It-Tmiem.

 

It-tmiem għad ikun merħi bħal tnehida,

Tlissin minn taħt l-ilsien bla ma jinftiehem

Bħal passi bit-takkuna li jintilfu

Fl-arja u wara jaqa’ s-skiet, xejn aktar.

 

Bħal weraq illi jaqa’ minn ġos-siġra,

Tinwir ħiemed; ix-xemx tintħall fil-baħar.

Tieqaf il-minutiera għax bla ħabel

U r-riħ sinjal iħassar fuq ir-ramel.

 

Ma taħsad ebda leħħa ta’ sajjetta,

It-tmiem ikun fis-skiet mingħajr tħaqqiqa

Ikun biss l-aħħar linja tal-istrofa

Ta’ poeżija miktuba minn ħaddieħor.

 

Musbieħ il-lejl inin sakemm jintefa’

Inkella bħaż-żerriegħa li tintradam

Bit-tama li pitgħada tikber siġra,

It-tmiem ma jkun fiħ xejn: kapitlu ieħor . . .

 

Miktub fuq dak li lanqas għadna nafu.

 

Alfred Grech

12.12.2024.

 

 

Comments

Popular posts from this blog