Il-Lejla Hawn il-Baħħ.

 

Daqs mewġa gravitazzjonali

Tħalli tqanqil fil-wiċċ seren

Tal-oċean ta’ ħajjti

U tibqa’ bħal ħsieb

Imxeblek ma l’għanqbuta ta’ moħħi

Jew meta naħtaf bejn idejja

Il-ħolm li nkun insejt

Il-ħsieb li qed tgħix issa

U taf b’dak kollu

Li għadu ma ġarax.

Bħal meta taqra’ l-poeżija

Kulħadd iċapċap

U ħadd ma jkun fehem xejn

Inkella li nħallik sabiex turini

U lanqas naf xi tkun qed tgħid

Għax dak li tara int

Jien mhux qed nara.

 

Il-lejla hawn il-baħħ

Għaliex in-nies qed tibża toħroġ

Bħal dak l-għarib li bnewħ in-nies

U emmnu fih

Il-lejla hawn il-baħħ

U m’hawn xejn għajr ħsibijiet

Li jiġġerrew min ħara għal oħra.

 

Jien ukoll nilbes il-maskra

Biex ma ningħarafx

Jew ma nitteħidx

Jew ma ninfettax.

Jien qed nifga mhux bil-mard

Iżda bil-qtugħ in-nifs

Ta’ dawk li hawn madwari.

 

Alfred Grech

14/11/2020.

Comments

Popular posts from this blog