Ningħalqu Fina Nfusna.

 

Meta din il-manija sabiex nibnu

Kull fejn insibu tgħaddi u jispiċċa

L-għatx għat-tidwir, li nsawwru bla ma naħsbu

Xi jkun l-effett fuq min se jiġi wara?

Bħal-għadda uragan u minn fejn għadda

Xejn għajr tħarbit, tifrik, desolazzjoni.

Meta l-lublieba  mxajtna biex inkerrħu

U nisfiguraw wiċċ id-dinja tgħaddi

Bħalma tgħaddi s-sħaba li ċajpritilna

Dak li naraw bil-lenti ta’ mamonna

X’ġejjieni jibqa’ għalina u għal uliedna?

X’ser jgħidu ta’ warajna? Kienu boloħ?

Iħarsu biss sal-ponta ta’ mneħirhom?

Issa x’ser nagħmlu xħin jitlaq il-gawwi

Għaliex roqgħa art ma sabx fejn jista’ jbejjet?

U x’ser jiġri xħin il-wegħeda tal-bżieżaq

Li jintefħu u mbagħad jintefħu sa jinfaqgħu

Kienet biss frott tal-għażż u l-illużżjoni?

Uliedna ma jistħuniex għaliex id-dinja

Kif kienet ma jafux qabel ġew huma

Xbigħat in-nostalġija xejn ma jgħidu.

Iħabbat il-baħar mal-blat u jkarwat

L-ajru fuq dawn il-gżejjer avviliti

U aħna bħal bebbuxu, ingħalqu fina nfusna.

 

Alfred Grech

30/11/2020.

 

 

Comments

Popular posts from this blog