Aħna Nħossu Wkoll.
Aħna nħossu
wkoll fir-resħa ta’ dal lejl
is-sejħa
imnikkta tat-tifkiriet il-qodma tagħna mlibbsa
u mliġġma
l-istar tal-ġdid u tal-modern jisħet
il-ġmiel u
l-għerf taż-żminijiet fl-idolatrija tax-xejn
u
tal-battal u tal-assurd
għaliex jekk
il-ġdid jaqla’ l-qadim
u rridu nimxi mal-passi taż-żminijiet
jiena u inti għalxejn interrqu t-toroq
stramani ta’ dal-villaġġ minsi u ħiemed
ħlief għall-buffuri tar-riħ
li jinfoħ mil-lbiċ u mill-majjistral
u jqaċċat kull fergħa ta’ siġra
li tażżarda tgħolli rasha. Ikun għalxejn
f’ġuf is-skiet u l-waqtiet eterni nibdew
din it-taħdida ħierqa għaliex huma biss il-waqtiet
li jsibu tifsira fil-ħamba tat-tibdil u tiġdid
li jissejjaħ mixi l-quddiem, progress lejn il-ġejjieni
fl-għada li qatt ma jsebbaħ.
Alfred Grech
09/01/2021.
Comments
Post a Comment