Epifanija.

 

Le ma kienetx il-Kewkba li wasslitni,

U lanqas il-marea illi rkibt;

Kien biss iż-żmien li fih twelidt, xejn akatar,

U dan l-iskol li fuqu ruħi sibt.

 

Le ma kienetx ix-xewqa li nivvjaġġa,

Inkella l-ħsieb li nagħmel ħwejjeġ kbar,

Infittex dak li għadu ħadd ma sabu

Nagħqad u ndur imqar jekk il-ħin sar.

 

Stajt ġrejt u dort id-dinja u ta’ madwarha

U wara stajt intenni wkoll rakkont,

Fi żmien ta’ qtiegħ il-qalb u karestija

Sibt ruħi fl-istess post  fejn qabel kont.

 

Le mhux il-kewkba wrietni t-triq mnejn ngħaddi;

Kien taraġ twil fil-beraħ ta’ bla kejl,

U hawn wasalt fuq din ix-xtajta mtarrfa

Fejn sibtni nerġa’ ngħix il-ħmar il-lejl.

 

Kien biss farfett il-lejl li żammni mqajjem

Ħamiema illi lura qatt ma ġiet

Jew brimba tinseġ tila bla kuluri

Gawwija tibki l-posta li ħalliet.

 

Alfred Grech

06/01/2021

Comments

Popular posts from this blog