La Tiskantax.

 

La tistkantax jekk qed tarani waħdi,

Warajk ma kien hemm ħadd li jieħu postok

Għax bħalek ma kienx hawn u lanqas terġa’

Titfaċċa jew inkella tkebbes xrara.

Warajk ma kien hemm ħadd li setagħet terġa’

ix-xrar tal-maġmar kiebi terġa’ tkebbes

u ħadd ma seta’ jqabbad il-ħuġġieġa

fi spettaklu sħiħ ta’ konflagrazzjoni.

Mhemm ħadd li tista’ tilħaq l-istennija

U ħadd li tista traqqa’ dit-tiċrita,

Bħal meta tiġi l-muża u l-ewwel versi

Joħorġu bħallikieku ġew mis-sema

U f’daqqa waħda w’salna fil-quċċata

Tal-għarfien, id-diwi u l-ekwilibriju.

U xħin tlaqt int il-bejta sfat battala

l-irwiefen qamu u tħabblu l-istaġuni

ma baqa’ xejn li kien, il-kwiekeb għebu,

u bqajt ngħum fl-oċean ta’ bla konfini.         

 

Alfred Grech.

18/01/2021.                                                                                                                                                                                                                                           

Comments

Popular posts from this blog