F’Baħar Miftuħ. F’baħar miftuħ ninġarru mal-kurrenti U nerġa’ nistaqsik: Minn fejn int ġejja? Bis-seħer nieżel għasel ġewwa sidri, Tifkira ta’ lejl li qatt ma jispiċċa. U nerġa nistaqsik: Minn fejn int ġejja, Sultana li titfaċċa max-xemx tiela’, Tifkira ta’ lejl li qatt ma jispiċċa F’kunċert ta’ ħsibijiet li jġibek lura. Sultana li titfaċċa max-xemx tiela’, Fuq xatt ir-ramel aktar mix-xemx jaħraq, F’kunċert ta’ ħsibijiet li jġibek lura, Inwaqqgħu swar li bnejt bit-tentazzjoni. Fuq xatt ir-ramel aktar mix-xemx jaħraq, Għajnejna jiġġerrew lilhinn mix-xefaq, Inwaqqgħu swar li bnejt bit-tentazzjoni, Għad-dell ta’ xi żebbuġa tmil bit-tqala. Għajnejna jiġġerrew lilhinn mix-xefaq, Ifittxu qtar in-nida tal-imħabba, Għad-dell ta’ xi żebbuġa tmil bit-tqala, Fejn kellna wileġ sħiħ sabiex noħolmu. Alfred Grech 05/06/2023
Comments
Post a Comment