Hekk dawk li ġew qabilna seħtu żmienhom

Il-fjakkola li ntfiet għax ħarqet żejtha

U qisha qatt ma kienet f’din il-ħemda

Ta’ dlam etern, u qisha qatt ma kienet

Għax lanqas biss it-tifi ma tiftakar

U lanqas meta kien it-tkebbis tagħha

U t-tifkiriet tal-ħajja illi għexet.

Xejn mhu stampat fuq il-liżar tal-ħajja.

 

Lanqas int stess m’emmint dak li kont għedtlek

Jew dak li ħsibt li int kont qiegħda tisma’.

Qatt m’għaddielek  minn moħħok illi s-sewwa

Qed jinbidel kull darba lil tistaqsi

Jekk kontx jien, inkella kienx ħaddieħor

Inkella meta r-riħ idur ninqabdu

F’maltempata.

                                    Kif nista’ jien infisser

Vulkan li jrid jiżbroffa, jew baħar

Li qatt ma kien ħanin u qatt ma ċeda.

Hemm nar li qed iħeġġeġ jikwi ż-żonqor

U faħam li minn fuqu rridu ngħaddu

Ħafjin biex bit-tilqim għad fuq il-ġilda

Nispiċċaw b’ta’ dak kollu li niftakru.

 

Tibda tifhem ukoll x’inhu l-misteru

Ta’ kif meta tinħaraq issir faħam.

 

Alfred Grech

03/04/2021

 

 

Comments

Popular posts from this blog