Imqar Jekk Nagħmel Kull Ma Tgħidli.

 

Imqar jekk nagħmel kull ma tgħidli

Ħienja ma tkunx,

Imqar jekk nistudjak minn

Filgħodu sa filgħaxija

Ma nissodisfakx.

Jen xtaqtek tiftaħ bħal qaqoċċa

Li tagħmel fi żmienha

U tweffaħ daqs il-ġiżimin.

U issa tibda’ l-għażla

Bejn it-tajjeb u l-ħażin

Bejn dak li tista’ ġġerraħ

U dak li trid tistmerr.

 

U jekk kulljum jien nikkuntempla

X’għedt il-bieraħ

Insib li kont żbaljat

Jiddispjaċini

U mbagħad nibda ninnamra

Max-xbieha tiegħek.

 

Ħaffef, qabel tintefa’ x-xrara,

Iġri, qabel isir il-ħin

U dak li għandek tagħmel għamlu

Mingħajr it-tejatrin

Imbagħad jekk għad ninqabdu

F’uragana żmagat

Is-seħer kollu tagħna

Mqar ’kk ma tintebaħx.

Iżda la ddumx

U dak li għandek tagħmel għamlu malajr

Għaliex l-arloġġ itektek qiegħed

U l-aqwa li tħalli l-għelm tiegħek fuq ħaddejja

Tatwaġġ tal-grif isteriku

Li jinfed taħt il-ġilda

L-uġigħ hu biċċa waħda

mix-xenqa tiegħek

u x’imkien,

ġo univers ieħor

Hemm int qed tistennieni.

 

Alfred Grech

12/04/2021.

 

 

 

Comments

Popular posts from this blog