Xħin Tħossok Li Trid Taqbeż.

 

Xħin tħossok li trid taqbeż

Tkun taf li qed tixjieħ,

Xħin tiftaħ il bieb beraħ

Kull m’għedt itir mar-riħ.

Tkun taf li qed tissaffa

Xħin tgħaddi minn ġon-nar,

U ssib li sħabek telqu

Tinduna li l-ħin sar.

Xħin togħodos f’qiegħ il-baħar

Tkun taf l-abbiss xi jkun

Imqar jekk għad trid toħroġ

Il-ġenju mill-flixkun.

Biex għad is-sema tilħaq

Triq togħola ’l-fuq mis-sħab

U ddur id-dawra kollha

Ma tara xejn ħlief trab.

Xħin titla’ fuq il-għolja

Tkun tista’ tara sew.

U xħin ma tibqax tħares

Tkun taf minn fejn għaddew.

U xħin ma tibqax tiġri

Tkun tlift is-sens tal-kejl

Tkun taf il-ħin xi jfisser

U d-dalma ta’ bil-lejl.

 

Alfred Grech

14/05/2021.

Comments

Popular posts from this blog