Bħal Ġebla li tifa’ fl-Għadira.
L-imwejjeġ
li tqanqal ġewwa fija
bħal ġebla
li titfa’ fl-għadira
u jien
ngħidlek li li nħoss
iżda l-fwieħa
li gibt miegħek
immutatni.
Għajnejja
jixxerdu fuq is-simetrija
ta’ ġismek
u nibqa ċċassat
bit-tama li
int ma tintebaħx.
Qanqalt
l-ilmijiet ta’ ħajti
u s-seħer
li toħlom u tteni
jifrex
il-liżar li fuqhu għad minteddu.
Għajnejk
jiskattaw ir-ritratti
u xuxtek
il-bosk li fih nintilfu.
Irrid
inġorrok fuq spallejja
bħal kapott
u nxidd
il-bjuda tal-ġilda
tiegħek
bħal
tibdila għall-okkażżjoni.
Imbagħad il-ferħ
tagħna jkun is-sies
li fuqu
nibnu t-torrijiet
minn fejn
noqgħodu nistħajjlu
is-sħab
iswed fuq ix-xefaq.
Alfred
Grech
04/07/2021.
Comments
Post a Comment