X’Jiġri?

 

X’jiġri xħin ma nibqgħax

Għalik il-Pied Piper ta’ Hamelin

U ma nibqgħax inġorr warajja

Il-ġrieden kollha

Li nfestaw il-Ġnien tal-Għeden.

 

X’inkun infisser jien għalik

Jekk ma nibqgħax nagħmel

Is-seħer bħal meta kont noħrġ

Il-fenek mil-kappell?

 

U x’jiġri jekk jiena

Ma nibqgħax ngħanni

Għax leħen joħroġ fgat

U fuq ruħi

Taqa’ d-dalma tal-lejl?

 

X’jiġri xħin ma nibqgħax inżomm

Il-bilanċ tal-ekwilibrista li tafni

Miexi fuq ħabel issikkat

Għax inkun waqajt u sirt mitt biċċa?

 

Tibqa’ tiġi żżurni?

 

Alfred Grech

30/07/2021.

Comments

Popular posts from this blog