Inti Togħla u Tinżel.

 

Inti togħla u tinżel mal-imbatt

u qatt ma twieżen lilek innifsek.

 

Hemm xi ħaġa fl-arja

hemm barometru li niżel sew

hemm kalamita timbuttak

hemm foga li taqtagħlek l-aptit

hemm duħħan jaqtagħlek nifsek.

 

Hemm xi ħaġa fl-arja

jew ħsibt li ridt nirkeb dik il-mewġa

għax qed ngħum kontra l-kurrent

iżda kollox qiegħed fl-arja

u issa jiena wkoll marid.

 

Tista’ taqbdek freneżija

għalkemm dan mhuwiex il-waqt

x’jiswa’ li barra hemm il-festa

jekk f’qalbek nieżla x-xita tal-ħadid

 

Jekk tistaqsini x’għandi nagħmel

ngħidlek li ma nafx

 

Kif issa kollox qed jiżżarrat

bħal biċċa drapp mingħajr keffa

u aktar ma nħares u nifli

iktar jikbru l-ixquq

u llum hemm aktar mill-bieraħ.

 

Alfred Grech

26/09/2021

Comments

Popular posts from this blog