Aħna Ġejna Minn Żmien ieħor.

 

Aħna ġeja minn żmien ieħor

U xħin nefaħ fuqna r-riħ

Ftakarna fis-sebħ ta’ filgħodu

U fix-xemx tħammar fuq l-ġbla

U l-qċaċet tat-tifkiriet

It-toroq u l-mogħdijiet ġo raba’

Fejn konna nterrqu

Unirreċ’taw il-ħajja ta’kuljum.

 

Aħna ġeja minn żmien ieħor

Fejn is=skiet kien xenqet ir-ruħ

Fejn il-ħemda kienet saltna

U fejn ma kienx għad hemm

Id-desakrazzjoni tal-miti u tat-twemmin

Fl-istupru tal-art verġni.

 

Aħna ġejna minn dinj’oħra

Fejn is-siġar jgħannu l-ferħ tas-sema

Fejn ix-xita tmejjel il-weraq tal-friegħi

U fejn in-nifs itappan il-ħġieġ kiesaħ tat-tieqa.

 

Aħna ġejna minn dinj’oħra

U għalhekk ma jistagħġbux

Li jibdew iħarsu lejna

Bħall-barranin li waqgħu mill-ispazju.

 

Alfred Grecch

01/12/2021.

Comments

Popular posts from this blog