Il-Barranin.
Niġi hawn f’din
ir-rokna
Ta’ wied
iħaddar u jlellex
Fid-dell
tal-grattaċeli tal-konkrit
Li sfiguraw
din art imwiegħda
Biex
niftakar
Fil-wesgħat
u l-wileġ li fihom xi darba
Konna nimirħu.
Niġi hawn
fuq dan l-iskoll
Il-bogħod
mill-art
U l-għajjat
ta geġwiġija
Għal wens
ta xi gawwija
Biex niftaħar
fix-xtajtiet ħiemda
Fejn dari
konna ngħumu.
Meta konna
fil-Ġnien tal-Għeden
Mingħalina sirna
għorrief
Ħarisna biss
lejn il-lussu u l-ġid
Li konna
nsejjħulu ta’ kulħadd
U fuqna ġibna
fuq s-saħta.
U meta artna
kienet tagħna
Ridna nbigħuha
lill barrani
Sabiex b’hekk jiżdied il-ġid
F’ekonomija
li dejjem tikber
Biex issa
sibna li sirna aħna
Il- barranin.
Alfred
Grech
30-01-2022.
Comments
Post a Comment