Ejja Ngħidu Li M’hemmx Għada.
Ejja naħsbu
li mhemmx għada
Jekk illum
ninsabu sew;
Ejja ngħidu:
hawn se nibqgħu
Għalfejn toħroġ
min hawn ġew?
Ejja ngħidu
l’hawn se nibqgħu
Għaliex għada
ma taraħx,
Fejn hu dak
li jrid iħabbat
Il-bieb
baqa’ ma nfetaħx?
Fejn hu dak
li jrid jisfida?
Żmien għaddeju
ma ġara xejn,
Fejn hu dak
li baqa’ tiela’
Sal-quċċata
imma għalxejn?
Ejja ngħidu
li m’hemmx għada
Kollox ħolm
u qatt ma jkun,
Niktbu l-ġrajja
li titħassar
U l-aħbar
ħażina tkun.
Ejja ngħidu
li m’hemmx għada
U ma tkunx
daqshekk ħabriek,
Għandu kollox
imur sewwa
Għalxejn toqgħod
fuq ix-xwiek.
Alfred
Grech
26/03/2022
Comments
Post a Comment