Fejn Huma
Dawk l’Għaġnuk?
Fejn huma dawk l’għaġnuk
U għamluk dak li int illum?
Diwi ta’ ilħna mill-imgħoddi
Li għadhom jikkumbattu fil-kranju qadim
Bħal reġistru li tilef l-indiċi tiegħu.
Issa ntbaħt li l-mixi tiegħek
Bħal dak ta’ wieħed miexi lura.
Issa sirt il-fdal tal-petali
Imxerrda mat-tifkiriet li jtiru mar-riħ
Uħud tista’ taqbadhom, oħrajn intesew.
Iżda l-petali jittajru
u jibqgħu mar-riħ
Inkella jgħumu f’wiċċ il-baħar ħiemed
Ta’ dak li jidher.
Bqajt inti waħdek tisqihom u tagħtihom
Il-ħajja sakemm ħajja ma jibqgħalekx.
Mill-bqija sirt tixbaħ ukoll id-diwi
Ta’ leħen mill-imgħoddi
Fost il-petali tat-tifkiriet
Jittajjru mal-friefet.
Bħal nixxiegħa li tinbela’
U tinxtorob fir-rasmel tagħha.
Alfred Grech
17/03/2022.
Comments
Post a Comment