Refuġjati. (Ode).

 

Kif sejjer tħaddan id-dieqa li ċċarrat

Kull biċċa minn ruħhek, dir-ruħ li tfittex

Fil-ħemda kull għelm ta’ tama

F’did dinja mimlija ħsejjes tal-qieda?

 

Kif ser nimlew bi ftit tat-tama

lil-dawk li ġejjin mill-bogħod

Jaħarbu l-infern u d-dulluvju

Tal-bombi bla rażan fuq rashom

Tal-bini qed jiġġarraf?

 

Kif ser nilqgħuhom lil dawn it-trabi

Li malajr saru qalbiena

Suldati li twieldu fl-eqqel tat-taqbida?

Juruk uċuħ ġodda joqorbu mill-bogħod

Imwieżna fit-toqol

Itertru bil-bard.

Dawn mhumiex anġli

Dawn saru l-ereżeċitu

Li jwaqqaf il-ħbit.

 

Dan huwa żmien ta’ wara s-sewwa

Żmien il-gideb u d-disgwid

Dan hu żmien fejn min ixerred

il-velenu kullimkien.

Dan huwa żmien il-maskri

Dan hu żmien ta’ min jingħalaq fih innifsu.

 

Inħarsu lejn ix-xefaq

Nibilgħu d-duħħan

Nibdew xi jfisser nifhmu

It-tbatija tal-midrub

Ta’ min fuq rasu jaqla’

Ta’ m’għandux fejn jista’ jmur.

 

Issa li ddemm igelgel fit-toroq ta’ Kjiv

Xi kewkba għad titħaċċa biex tkaxkar xuxitha

Issa l-kummidjanti joħorġu fuq il-palk

Issa l-maskri grotteski mhux biss fil-karnival

Issa jfissrulna għaliex l-iġsma ta’ tfal bla ħajja

Mhumiex id-debħa ta’ blugħat il-kobor.

 

Alfred Grech

04/03/2022.

 

 

Comments

Popular posts from this blog