Id-Dawl Li Tixtieq Jiddilek.

 

Id-dawl li tixtieq jiddilek

Ma jiġix mill-penumbra ta’ xemx li kifset

Għax ix-xemx tiddi biss fis-satra

Ta’ ruħek, hemmhekk fejn ħadd

Ma jara ħliefek. Imbagħad mid-dlam jitfaċċaq xefaq ġdid

U f’lejla ta’ bla kwiekeb il-mixi jsir misteru.

 

Jekk trid li l-jum ma jkunx għajr ġolġota oħra

Fejn taqta’  nifsek tiela’ imqar mingħajr it-toqol

Tħoss il-letarġija ta’ tbatija bla fejda

Taljena rasek aħjar milli tistaqsi

U d-dawwar wiċċek in-naħħa l-oħra milli tissielet.

Dawk li jissieltu huma l-gellieda

Huma l-eroj ta’ bla isem li fuq il-midfen tagħhom

Jinbena l-ġejjieni jew jekk trid, tinkiteb l-istorja.

 

Il-jum jista’ wkoll jaqtagħlek nifsek

Jew jifgak bħal fil-lejl mudlam tar-ruħ

Għax mingħalik li l-ħbiberija u l-fratellanza

Se jsalvawk mit-telfa diġa’ mħabbra

U ssib li kont imqarraq.

 

Imbagħad jista’ jkun li tieqaf tħossok ħati

U l-munzell ma jidhrix li żdied daqshekk.

 

Alfred Grech

21/04/2022.

Comments

Popular posts from this blog