Agunija.

 

 

Lanqas l-isponża mgħaddsa fil-ħall u l-morr

Ma nduq sabiex intaffi xi ftit minn dan l-uġigħ

Ta’ min hu msallab.

 

Fis-sensi kollha tiegħi irrid ngħaddi mid-dlaminijiet

ta’ lejl ir-ruħ,

mil-gandotti u l-vijadotti, mill-parkeġġi u minn fuq il-qċaċet

ta’ bini li jrid jogħla il-fuq mis-sħab

minn kull xtajta lilhinn mis-sens ta’ fejn hemm

Il-wied ta’ dell il-mewt

 

Għajnejja ġebel iebes

Rasi xkora ramel.

 

Għax hekk biss inkun naf

li qiegħed ngħix u noqrob xi ftit

lejn il-konfini ta’ bla waqt

sakemm dan l-univers

li mhu xejn għajr ħares

jiżloq minn ġismi  bil-ħeffa

tal-għawwiem li jofroq

Mewġ il-baħar li miegħu sar ħaġa waħda.

 

Hekk xi darba għad jirnexxieli naħrab

l-imxija ta’ dinja tgħum fl-uġigh

u fil-mibgħeda fis-skiet ta’ kwiekeb

li jnisslu ftit tat-tama.

 

Ikun xħin ikoll kemm aħna

nixorbu n-nar li jnaddaf il-vojt tagħna

li nistgħu ngħidu li qed ngħixu

għal dejjem

għax irkibna bastiment

li jsalpa lilhinn mid-dwejjaq tar-rutina

U mid-disprmanet li jankrana u jtaqqalna.

 

B’hekk imqar il-gwerer li jolqtuna mill-qrib

isiru ħrejjef li ntennuhom

madwar il-huġġieġa ħdejn xi għarix.

 

Alfred Grech

12/05/2022.

 

Comments

Popular posts from this blog