L-Għanja Siekta.

 

Iddawwarni bit-tgħannieqa tas-skiet

Irmiġġat fil-menqa li tħeġġeġ

Lil min qed jitlef kull tama.

Naħbilek il-kliem kollu

Li xejn ma jgħid u xejn ma jfisser

Iżda kull sillaba li nlissinlek

Tkun qed tgħasses is-sigrieti

Tas-skiet u tal-ħemda.

Għaliex fis-skiet biss tista’ tibda tisma’

Is-sewwa li joħroġ mis-solitudni..

Ħallieħ lil ħaddieħor jibqa’ għadej

Mal-kurrenti itturfnati u  mal-burdati

Mtaqqla ta’ kuljum

Li joqomsu bis-sulluzzu

Ta’ min jaf biss jiffanga.

Huws biss f’dan l-ispazju divin

Li ssib l-armonija tal-għanja tal-ħolqien

Li mhux kull widna tista’ tisma’

Imqar fl-uġiħ tal-agunija

Ta’ min irid jiċċaħħad mill-egħżeż ħaġa li għandu.

Din hija l-għanja siekta

Li ma tinħtieġx in-nokkli tal-esuberi

Tivvibra fil-moħħ

U tgħanni dak li ma jingħadx

Imqar jekk ikollok tistenna fit-tul biex tismagħha.

Imbagħad tista’ wkoll trabbi l-ġwienaħ

Biex timraħ, biex ittir

U tmur lil hinn mill-ħin

Fejn hemm is-seħer tat-trasfigurazzjoni.

 

Alfred Grech

08/06/ 2022.

 

Comments

Popular posts from this blog