Sakranazzi.

 

Trid tisker biex tinsa’ li qed tgħix

Sabiex ma tħossx il-qilla tat-toqol

Iż-żmien għaddej minn fuqek

Li qed bil-mod il-mod jilwik

U jgħawwġek ganċ.

 

Għalhekk ħriġt barra mill-merħla

Bdejt nimraħ f’dan il-vajaġġ

Pellegrin bla passaport

Barrani mingajr identita’

Bla ma naf fejn nista’ nasal

Meta tlift is-skiet u l-ħemda

U l-infinit imtela

Bil-ġenn u l-għajjat tal-folla.

 

Le ħabib,

Tlifna s-skiet u l-ħemda

Fejn stajna nimirħu u ndubu

Fejn stajna nkunu aħna

U mhemmx skuża għat-taħwid

Li sibna ruħna fih.

L-agħa u l-għajjat tal-folla rebaħ

U int ukoll ħriġt barra minn sensik

U l-għabex ma baqax ħabib

Inżul ix-xemx m’għadux il-ġenna

Jew jiftaħ is-siparju

Biex mmissu l-kwiekeb b’idejna.

 

Minflok missejna l-qiegħ

Innawfragajna fuq l-ewwel skoll.

Le sieħbi

Dan huwa vjaġġ li joħroġna barra mill-merħla

Li joħroġna barra miċ-ċirku

Tal-kumdita u ta’ kuljum

Ta’ dak li nafu jew għallmuna

Li jkarkarna mal-kurrenti

Ta’ destin li mhux magħruf,

Lejn xefaq ġdid

Lejna konfini li jitbiegħdu.

 

Bdejna dan il-vjaġġ

Xħin int u jien staqsejna lilna nfusna

Meta ntbaħna li ma konniex għadna nafu

Aħna min aħna

Għaliex mix-xejn jitwieled univers

Għaliex xi ħaġa hemm minflok ix-xejn

X’inhuwa dak li jissejjaħ tajjeb

U xi jfisser il-ħażin.

 

Dak li għallmuna kien fieragħ

It-tweġibiet iffabrikati

Antidotu għas-serħan il-moħħ

Biex jimla bil-ħolm lil min hu għażżien

Biex jaħseb jew jistenbaħ.

 

Imxejna wara l-mistoqsija

Li teħodna fejn teħodna

Ma bżajniex immissu x-xemx

Ma bżajniex niġġieldu x-xjaten

Ma morniex f’dawk il-plajjiet li konna nafu

Jew l-għerien li xtaqna nżuru

‘Mma qbadna t-triq it-twila

Li twassalna lejn x’imkien

Li twassal lilhinn mix-xefaq

Jew fuq il-qċaċet li ħadd ma laħaq.

 

Ma wasalniex fejn ħaddieħor kien imdorri

F’dawk l-inħawi li urewna

Dawk ta’ fuq il-mambar

Bix-xettru tas-setgħana

Jew li minn taħt l-ispaġa jiġbed.

 

Dorna mal-kantuniera

U għażilna minn jeddna fejn immorru

Meta triq infirdet

U saret forċi.

Sibna ruħna fejn qatt ma ħlomna

Ħrabna l-ordni magħruf

Iġġilidna ma ħafna mtieħen

Sabiex jirfsu fuq art verġni

Fejn jaslu dawk li jmissu l-qawsalli.

U f’daqqa waħda sirna għedewwa

U f’daqqa waħda sirna għorrief.

 

Alfred Grech.

24/06/2022.

 

Comments

Popular posts from this blog