Għidulhom.

Għidulhom li tridu mhumiex jismgħukom

Għidulhom istħu, li bihom qed tidħku

Li bihom tilgħabu, ġibtuhom ilsiera

Jitħallsu biċ-ċiċri u jaħdmu bla heda

Li xogħolhom ħadtulhom, biegħtuh lil-barrani

l-imsieraħ imlejtu bil-qtajja u bil-merħla

jekk tgħolli ftit leħnek tiqies li sirt żejjed

għidulhom li intom biss qabda pupazzi

Għidulhom li intom bħal sufri f’qiċċ l-ilma

għidulhom is-sewwa li intom iħirsa

li l-maskra tbiddluha għal kull okkażżjoni

li dak illi ttennu mhux ħiereġ minn qalbkom

iżd’hu biss kliem fieragħbiex tgħatti l-iżbalji

li dak illi twiegħdu qatt m’intom e troddu

sakemm tgawdi tibqgħu l-ispinta tal-mewġa

sakemm ir-riħ għadu jonfħilkom fil-qala

Għidulhom li prezzkom trid wisq biex jintlaħaq

iżd’hemm dejjem prezz illi jista’ jitħallas

li wara l-purtieri hemm min qed jgħidilkom

kif għandkom titkellmu u x’għandkom ittennu

dak kollu li tgħidu bħall’kieku mhux intom

biex tnessgħu u tnaffru u tibqgħu tittajru

ħamiem ta’ bla ħajja, magħmul biss mill-karti

għalkemm qed jisseqqer ankrat f’idejn tfajjel

jew bżieżaq tal-arja li f’wiċċek jinfaqgħu

Għidulhom, għidulhom mhemm xejn li fih toqol

Mhemm xejn wara d-dehra hemm biss simulakri

Għidulhom min huma l-allat u l-imsieken

Is-saħħa f’xhiex qiegħda, il-qawwa ’l-min tgħajjat.

 

Alfred Grech

01/07/2022.

Comments

Popular posts from this blog