Quddiem Ir-Riħ li Jonfoħ.
Quddiem ir-riħ li jonfoħ
Il-poeżija tfewwah
Weħida tmil u tishar
Fi-nżul ix-xemx li jnewwaħ
U waqt dis-siegħa ħamra
Ta’ xemx li tinżel f’daqqa
Fuq xfar il-għajn ir-raġġi
Lis-sħab s-sema jraqqa’.
Fis-skiet ta’ lejl li jaqa’
Bil-qtar is-solitudni
Kull waqt jintilef ħieles
Fl-ibħra tal-multititudni.
Weħidha tiġi ħielsa
Imqar jekk mhix mirquma
F’waqtiet bla qiegħ li jinfdu
Imrażżna jew mirduma.
U jiena nibda nikteb
U nerġa’ bħal nitħajjar
Inxidd il-qorq tal-ġwienaħ
U arani qed nittajjar.
Alfred Grech
31-08-2022.
Comments
Post a Comment