Bil-Barka Tal-Umdita’.
Bil-barka
tal-umdita’ tar-riħ isfel
nintasbu
f’riġlejn il-mitbaħ tat-tneħid
u int
taqbadli idi biex toħodni l-bogħod
il-bogħod mill-eqreb
xefaq nebbieħ is-sewwa.
Imqar jekk
il-friegħi tas-siġar
li taħthom
inħobbu nistkennu
ma jaħbuniex
għall kollox mill-qilla
ta’ xemx
għaddejja f’xalata sajfija
qabel ma hi
ukoll tmur titmattar
fil-ħemda
tal-infinit
jew
fid-dalma lejlija
li tqattar
bħal xita ġewwa qlubna.
U xħin bix-xokkijiet
mill-ġdid nirxuxtaw
inslapaw u naqsmu
l-oċean tax-xewqat u tqanqiliet
il-mewġ li
jħaddanna iħenninna
u tidher
kewkba li tqawwi ’l-qlubna
tul
dat-traġitt bejn xatt u ieħor.
Il-baħar
imqalleb ma jdejjaqniex
jaqtgħulna
qalba biss il-wegħdiet
li rifduna
tul daz-zmien kollu
u li
jistgħu ma jkunu xejn għajr
wegħdiet
fiergħa.
Alfred
Grech
04/09/2022.
Comments
Post a Comment