Issa Marret u M’Għadhiex Li Kienet.

 

Max-xatba tal-ġnien tagħa qagħadt nistenna

Filwaqt li l-fwieħa tax-warda tax-xema’

Tisker fil-ħemda tal-lejl bla kwiekeb.

Hawn fuq din il-pjaneta tal-imħabba

Inqim is-sebħ ta’ bidu ġdid

Fuq sodda tan-narċiż.

 

Imqar jekk ix-xemx tisreġ

Tħoll il-qtar tan-nida ta’filgħodu

Xorta waħda għad nintilef

Fis-seħer tal-flawt itenni l-hena mixtieqa

Fi-lejla li fiha żfinna sakemm is-skiet

Sikkitna u waqqafna ħesrem

Sakemm bqajna weħidna jiena u hi

Taħt qamar il-ħemda.

 

M’hemm ħadd li jista’ jferraħ aktar.

Iż-żifna waqfet u spiċċat

U waqfet ukoll l-orkestra

Kakafonija ta’ ħsejjes mingħajr ritmu

U r-roti jqarmċu fuq l-asfalt

Jew fuq il-ġebel jew fuq ir-ramel jidwi.

 

Issa marret u m’għadhiex li kienet.

Issa s-saqaf sfronda u x-xemx kifset.

 

Alfred Grech

03/09/2022.

Comments

Popular posts from this blog