Jien Xtaqt Ukoll.
Jiena xtaqt
ukoll fuq fergħa ta’ xi sigra
nitla’ biex
ngħanni sbieħ il-għodwa ġdida
u xtaqt
ukoll fil-versi melodjużi
nintona
tal-ħolqien u l-mewt nisfida.
Jien xtaqt
ukoll inpinġi fuq xi tila
id-dellijiet
ta’ sħab fis-sema jtellaq
Jew il-kwiekeb
li naf ma nistgħax nilħaq
u nibqa’
għaddej għal dejjem bla ma nfellaq.
Lili
jiblagħni d-dlam; il-baħħ quddiemi
jirbaħni
x-xejn lil hinn mill-eqreb xefaq
Mhemmx ġejjieni; hemm biss kudanna għal għomri
u nisfa’ id
f’id bħal dak li kollox nefaq.
u ż-żmien f’dil-gaġġa
illi l-għomor silef
hu dak ta’ għasfur
li l-ħelsien tiegħu tilef.
Alfred
Grech
07/09/2022.
Comments
Post a Comment