Lil Eliżabetta Reġina.

 

Hi telqet ukoll

ftit ftit kollha sejrin

il wieħed wara l-oħra

ġiganti kbar ta’ żmienna

li raw fit-tul u l-bogħod

li għal ħdejhom aħna biss

pigmej.

 

Telqet ukoll

u issa trid tibda tifhem

il-qawwa ta’ dil-mara li xelfet il-quċċati

mingħajr id-daqq tat-trombi u l-funfarri

li waqfet tul iż-żmimijiet

u ndukrat l-isfilata tal-avvenimeti

bħalma jsegwu wara xulxin

f’xi purċissjoi

jew f’xi xeneġġjat.

 

Inbidel  l-univers

imbidlet id-dija ta’ madwarna

u rajna s-swar li bnejna

jaqgħu ġebla fuq oħra

madwarna.

 

Iżd’hi deher rebbieħa bħal f’xi affresk

fuq l-arzella ta’ xi knisja

fuq l-iskrin tal-fantasija

fin-narrattiva li ħaddanna.

Xejn mhu għal dejjem

imqar jekk ritratt tiġbed ta’ ruħek

imqar jekk tiskava d-djamanti fir-ramel tax-xtut.

 

Hemm min jixtieqlek il-qawmien mill-ġdid

hemm min jarak bid-dijadema

hemm min jarak reġina fuq l-irġejjen

u hemm min fis-sema kien kurjuż

ikun jaf kif tkun reġina tad-demm u l-laħam.

 

Iss’hemm biss duħħan il-ħolm

hemm biss t-twemmin

għax bla twemmin hemm id-disperazzjoni

 

Jien ngħidlek biss

ta’ dan il-waqt il-ħajja

il-ħajja ferħ u niket

u xħin tlaqt ma telaq ħadd

baqa’ biss ir-rima li ħallejt

u l-ħajja tibqa’ għaddejja.

 

Alfred Grech

09/09/2022.

Comments

Popular posts from this blog