Awla Ta’ Qorti.

 

Fejn baqgħu dawk il-pitturi

Li pinġew l-istemmi li jabbellixxu

U l-affreski qodma li jsebbħu l-għeliem

Ta’ erwieħ li xtaqgħu jibqgħu iggranfati

Man-niskara glorja nkella setgħa

Li darba kellhom inkella jibqgħu magħna

Jindukraw u jippersegwitaw

Dawn l-irkejjen li mqar l-uħux abbandunawhom.

 

Fejn huma l-imħallfin li ppronunzjaw

Daqskieku xi oraklu x’kellu jiġri mill-imsejjkna

Li tkaxkru sa quddiemhom.

Imqar it-tribuni inkaljati bis-susa

U mikulin bit-tkaxkr tar-riġlejn

Tagħlmuha l-litanija

Li trid taħlef li tgħid is-sewwa.

 

Aħna li ninsabu hawn illum

Inġorru t-torċa li tkebbset min jaf meta

Inkellha ssawret fl-għanqbut ta’ żminijiet primordjali

Aħna li rridu nagħtu d-dehra

Tal-ħaqq li għandu jseħħ

Impejjpu d-duħħan tal-għadab  tagħna

Li dħalna f’dal-binarji

Li minnhom ma nistgħu qatt ninqalgħu

U li tmiemhom ma jidhirx.

 

Afred Grech

27/10/2022.

Comments

Popular posts from this blog