Bla Togħma ta’ Xejn.
Bla togħma ta’ xejn
Ħames minuti u d-disinni
kollha jinfetħu
Kaleidoskopju ta’ lwien
mill-vetrati
Ta’ katidrali lluminati
mid-dawl jgħammex l-għajnejn
U jien trasfigurat fuq
magħqad ngħodd it-truf
Tal-pendenti assikurat
mill-fjamma tħeġġeġ
Fil-milja tal-ferħ u
tal-imħabba.
Għaddejnieħ dak iż-żmien
Fid-dawl dehbien ta’ ħafna
kwiekeb
Jilmaw fuq wiċċ l-ilma mċaqlaq
tal-għadira.
Illlum inti tkun il-kewkba
tiegħi
Mqar jekk tasal għandi
bit-tqanżiħ
Bħall imbatt ħiemed ta’ baħar
li jerfgħu
U jgħaddas id-dagħjjes miżmuma fil-wiċċ.
Hekk tiġi l-leħma,
Mid-dawl imqassam f’disinni
jilmaw
Hemm xempju li joħloq
dad-disinni
Li minnhom tgħaddi ta’ kull
darba
Biex ittenni l-istess ġrajja.
Stalletti kliemek u vleġeġ
ir-raġġi li twaddabli
Dakinhar kont ngħid li din
avventura
Illum naf li kollox frugħa tal-frugħat
U li ma kien hemm xejn ġdid
x’nista’ nitgħallem
Il-qalb tħabbat risq
il-ħajja
U l-pulmun jonfoħ nifs
ir-ruħ.
Dawm huma eklissi ta’ xemx
qadima
Issa nqum fi sbieħ il jum
Ngħanni matutin
inkandexxenti
Għaliex inħoss li kull ma
jmur qiegħdin nitbiegħdu
U jien tlift is-saħħa li
ngħid dak li naħseb.
Alfred Grech.
20/10/2022.
Comments
Post a Comment