Imqar Jekk It-Tagħbija . . .

 

Imqar jekk it-tagħbija tqila

Inġorruha flimkien jekk tgħinni

Il-fejqan ikun ta' malajr jekk nifhmu lil xuxin

Ma kull nifs li nieħu ruħi toħroġ miegħu

U xħin tiftaħ għajnejk issib li ġa wasalt.

Imqar il-qniepen li jdoqqu

Ma jwasslu l-aħbar li xtaqt

Iżda fuq l-ogħla quċċata s-silġ abjad

Jirrifletti d-dawl tax-xemx

Nar il-fuklar isaħħan qlub misjura

U s-silġ li jqattar fuq l-għajnejn

Isebbaħ wiċċ imbikkem.

Jien u int nistgħu noqgħodu f’tarf ix-xifer

Nikkuntemplaw it-tlugħ tax-xemx

Inkella nqerru dnubietna lil xulxin

Għax hemm min jaħli ħajtu joħloq is-sabih

U hemm min jaħli ħajtu jkisser

Il-fjamma tal-musbieħ

Mhijiex it-talba li ridna nagħmlu

Iżda l-kuruna tar-rużarju

Li bil-mod il-mod daħħlitna f’ħolma

Pellegrinaġġi twal fi nżul ix-xemx

Lejn il-maqdes tat-tnissija

U kif jibda’ l-jum bid-daqq tal-qniepen

Jispiċċa hekk fir-reċta tal-kumpjeta -

Tħallux ix-xemx tiddi fuq il-korla tagħkom

U tagħtux wisa’ lix-xitan.

 

Alfred Grech

19/10/2022.

 

Comments

Popular posts from this blog