Spiċċalhom l-Inċens.
Issa li
dawk li naf tal-eta’ tiegħi
jew iżgħar
bdew jitilqu wieħed wara l-ieħor
f’sekwenza
li ħasdet ukoll ‘l-allat
li bdew nieżlin
jitgerrbu minn fuq olimpu
aħna sibna
li mxejna fit-toroq li ma jwasslu għal imkien
u ġrejna
wara bżieżaq tas-sapun
biex nifqgħu
il-ħolm li jwassal biss għall-ġenn.
Fid-dlam
etern ta’ ġewwa fina
fittixna
għalxejn il-lejl li qatt ma stajna nsibu
u mbagħad
spiċċajna wkoll maħsula
bis-sokor
tal-ħall imħallat mal-mirra.
Fil-boskijiet
ta’ dinja magħmula mil-grattaċjeli
fid-daħna
alluċinanti li timbuttak fir-ritmi ta’ kuljum
li tmur
kontra l-kurrent tal ferħ imwiegħed.
Għax issa
wkoll l-allat tneħħew minn fuq it-tron
u llum qed
jiġġerrew fuq il-bankini tat-toroq ta’ kuljum
il-miti
nfaqgħu mal-bombi li jkissru u jfarrku
id-djar
tan-nies li m’għandhomx x’jaqsmu.
Għax issa
n-nies lanqas għada temmen
fil-miti li
ħolqu huma stess u fl-eroj li qajjmu mill-istorja
u lanqas f’din
l-art ħelwa li għaliha nagħmlu kollox.
Għax issa
wkoll iż-żmien li nkissru l-allat tat-tafal
dak kollu
li mhux tassew u dak li huwa attaparsi
jew dak li
s-soltu jsir jew kulħadd jagħmel.
Issa
l-allat spiċċalhom l-inċens
l-imperaturi
sfaw għarwiena
u d-dittaturi
nqlew fiz-zalza taghom stess.
Alfred Grech
09.10.2022.
Comments
Post a Comment