In-Nar Iħeġġeġ.

 

In-nar iħeġġeġ u d-diwi jiħrax

Mat-taħbit tat-tnabar

Int qed tgħaġġel wisq

U jien qed naqta’ nifsi.

Għalxejn tipprova taqta’ x’hemm wara d-duħħan

Jista’ jkun li hemm l-art imwiegħda

Jista’ jkun hemm il-ġenna li qatt ma ħlomt

Jista’ jkun hemm id-dinja ġdida

Jew dinja qadima li bqajt m’għarafthiex.

Hemm kor ta’ anġli llużi

Jimla’l-beraħ tal-madwar

U kull rokna li baqgħet battala

Bis-sejbiet il-ġodda ta’ daż-żminijiet.

Għajnejk jixhdu li mintix f’siktek

Xuftejk ta’ min hu mdarras

Ma nafx tifhmux il-waqt li fih ninsabu

Ma nafx tifhimx għaliex ġejt hawn

It-tnabar xorta jsabbtu

U l-kor għadu ma nħanaqx

Is-sema mdallam u ċ-ċpar jiżdied

U r-ramel tax-xtajta li fiha sbarkajna

Beda jgħanni l-glorja, l-għanja tas-sejbien

Flimkien mad-daqq tat-trombi

U r-rifsiet ta’ fuq il-kordi.

Hawnhekk iltqajna ma art ġdida

Hawnhekk tintemm il-kantaliena

B’kuda li ma tispiċċa qatt.

 

Alfred Grech

06/11/2022.


Comments

Popular posts from this blog