Insejjaħlek u Ma Tiġix.

 

Insejjaħlek u ma tiġix

Aktarx għaliex il-ħsejjes tal-inġenji

Jitfu l-ħsejjes ta’ mewġ il-baħar

Imellsu għalxejn ir-ramel ta’ xtajta bla tbissima.

Il-mewġ bħan-nifs

Dieħel u ħiereġ

Tiela’ u nieżel

Iżda s-skiet li dejjem xtaqt ma sibtu qatt.

Għax x-ximkien fl-irkejjen ta’ ruħi

ix-xewqa qatt ma taqta’

li mmiss il-ħemda eterna

mingħajr ma nitlef is-sensi.

Il-ħsibijiet bħall-ilma jiskulaw

Tul il-perkors tan-nixxiegħa

U filwaqt li qatt ma rrid nixxierek magħhom

Waqt wara l-ieħor qed nintradan

Taħt is-saffi ta strigrafija ffosilizzata

Fl-istrati ta’ rdum għoli li b’wiċċu minn quddiem

Jisfida ż-żmien u kull ma jiġi.

Ma rridx ninbela fil-vortiċi tal-ħsibijiet

U tqanqiliet li jagħmlu l-għada tiegħi

Bħar-riħ li jgħaddi minn ġo fija bla ma nħossu.

In-nifs jibqa’ tiela’ u nieżel

U jiena il-qaddief jaqdef

U ngawdi dan il-waqt.

 

Alfred Grech

05/11/2022.

 

Comments

Popular posts from this blog