Mhemm Xejn.
Mhemm xejn għajr msaġar folti
Li qatt ma raw
ix xemx
U mrieżaq
ta’ dawl li skappa
Id-dalma
marsusa tal-bosk.
Mhemm xejn,
hemm skiet u ħemda
U ħlewwa
mistħajjla tal-melodija
Li ġejja
minn zminijiet oħrajn.
Hemm
iċ-ċpar li jaħbi l-ġejjieni
Ta’ xefaq
opak mingħajr trufijiet
Hemm l-għoljiet
li l-qċaċet tagħhom
Ma jintlaħqux
Ma jingħarfux
U l-ilmijiet
tal-għadajjar iwelldu l-ħolm tal-insetti.
Hemm ħdura
li mhix minn dawn l-inħawi
Għax tinbidel
u ssir minn kull lewn
Hemm oqsma bla
tmiem fejn jista’ jimraħ ħsiebek
Sa jixxabbat
mal-eqreb għoljiet
U jmiss
saħansitra l-qawsalli
Hemm sħab
efimeru li ma tfissrux
U nżul
ix-xemx li jmur lilhinn mill-eqreb xtajta.
Hmura li
tintebaħ biha xħin isir tard wisq
U xħin
id-dellijiet jiġġiganteġġjaw ma ħitan ta’ swar minsija.
Skolji li
jħadduhom oċeani primittivi
Mibduli f’pedestalli
għal sireni seduċenti
Imwieżep ta’
ilma nadif li jserrep ġol-widien
Minn fejn
ir-ruħ trid tibda’ l-mixja tagħha
Lejn kanċelli
li jaqbżu s-sisien.
Alfred
Grech
12/11/2022.
Comments
Post a Comment