Mhux Aħjar Hekk?

 

Mhux aħjar hekk

Nitilgħu t-tnejn it-turġien tal-kattidral

Mingħajr ma nagħmlu wegħda lil xulxin

Li għad naslu u mmissu t-tarf tal-veli

Trasparenti tad-dwejjaq ta’ filgħodu?

 

Mhux aħjar hekk

Inti tittama li jiena għad insir qaddis

U jiena nilmħek  inti verġni pura fuq is-sħab

Imdawwra bil-puttini.

 

B’hekk ħadd minna ma jixlef difru

U anqas ma nitfixklu fin-nases

U l-ħotob li ħolqu ta’ madwarna

Tul din it-trejqa dejqa

Li għażilna.

 

B’hekk inti tintebaħ li mhemm

Ebda xrar ġdid li jista’ jkebbes

Il-fjamma.

 

Alfred Grech

19/11/2022

Comments

Popular posts from this blog