U Titlaq, Tisparixxi.

 

U titlaq, tisparixxi

U titlaq din malajr

Bħal kieku kienet ċajta

Mingħajr ma tiżżik ħajr.

 

Spiċċajna ġo teatru

Ilkoll mingħajr kopjun

Ir-reċ’ta tibqa’ waħda

l-istess għal min ikun.

 

Imbagħad inbiddlu l-bixra,

Inbiddlu wkoll l-ilbies

Ir-regħba għas setgħa tibqa’

Tgeddis ta’ ġid bla qies.

 

U dejjem fuq ix-xefaq

It-tama tal-ħelsien

Tal-ugwaljanza l-wegħeda

U s-sebħa ta’ x’seta’ kien.

 

U ħlomna fil-ġejjieni

U ħlomna fil-progress

It-teknika ħakmitna

U għereqna fir-rigress.

 

U titlaq. Tisparixxi

U kull sekonda tmur

U nibku t-telfa li tlifna

U mhux iż-żmien miġbur.

 

Alfred Grech

26/11/2022.

Comments

Popular posts from this blog