Illum Li l-Bozza Ntfiet
Kif sejjer jiena nifhem
illum li l-bozza ntfiet
id-dlam li hawn madwari
u t-toqol tas-smewwiet?
Għax naf li għad trid tiġi
jien xorta nistenniek
u naf li t-tieni miġja
se żżomni fuq ix-xwiek.
Tkun eħla minn tal-ewwel
għax ruħ mingħajr ilġiem
il-ptezz tal-illużżjoni
jitħallas bil-quddiem
U inti bqajt tittajjar
u jien bqajt ma fhimt xejn
u bqajt indur u ngħaqad
nistaqsi dan għafejn?
Ilwien minn tal-qasalla
dawn bżieżaq tas-sapun
il-qlugħu tal-mirkeb tiegħi
imlejtu bir-riħ sħun.
Alfred Grech
02/12/2022
Comments
Post a Comment