Sejħulhom.
Sejħulhom ħa jiġu
Mir-rħula tal-qrib
Biex bħalna u magħna
Kull wieħed isib,
Sejħulhom ħa jiġu
Mill-ibgħat ibliet
Jaraw u jisimgħu
Il-ġrajja is-skiet.
Ħalluhom ħa jdoqqu
Il-qniepen fil-bogħod
Il-bxara ħa jħabbru
B’leħinhom jirtogħod,
Għax dan hu jum wieħed
Ta’ sena l-għaddiet
Fejn nerġgħu niġġeddu
Fil-ħemda u fis-skiet.
Fuq tiben f’maxtura
Imkebbeb għal ksieħ
Tarbija li biddlet
Il-ħajja bis-sħiħ.
Alfred Grech
25/12/2022.
Comments
Post a Comment