Tredden.

 

Tredden, tredden tredden

Imma xejn minn dak li tgħidli

Ma jiċċarali moħħi.

Kull filgodu ċċempilli u tistaqsini

Għaliex sirt mutu.

Tredden, tredden, tredden

U dak li tgħidli ġa għedtuli kemm il-darba

Titlaqni fis-solitudni tiegħi

Imbaħħar f’oċean bla xefaq

Navigatur etern fl-immensita’ universali

Fil-wileġ mistħajjel li kien artna tal-imgħoddi

Flimkien għamilna dil-passiġġata

Li trid biss wassal għal tarf it-triq

Imbagħad ma jibqa’ xejn

Il-baħħ jiblagħna

Il-baħħ jimbuttana biex nerġgħu

Nibdew mill-ġdid.

Tistaqsini u ma nafx inwieġbek

Nistaqsik u ttenni l-istess mantra

Jien noqgħod nilgħab bis-susa qadima ta’ moħħi

U qatt ma noħroġ mill-qoxra tal-bebbuxu.

Jien ma nibqgħax jien

U nsir ix-xebħ mistħajjel tieghi stess

Inħares fil-mera u nibqa’ nilgħab

Bil-moħbi bl-għanqbut

Attur ta’ dramm li jismu mħabba.

 

Alfred Grech

29/12/2022.

Comments

Popular posts from this blog