Lil  Ommi.

 

Jien qed narak tiggranfa ma kull tibna

Imħabbla mal-għanqbut ta’ spazju u ħin,

Ftit ftit iċċedi u taf li qiegħda tiżloq

F’taż-żmien il-magna drasha misħutin.

 

Nistħajjlek bħali tħares u tistaqsi

Jekk dan il-ġigġifogu kienx għalxejn

Xħin bħali tgħum sibt ruħek f’din ix-xmara

Bla nafu fejn sejrin inkella għalfejn.

 

Fejn hu dak il-vulkan li kien jiżbroffa

Bil-ħeġġa u jagħti s-saħħa lil kullħadd

Nistħajjlek qed tistaqsi ta’ dan kollu

Kif xejn ma turi u qisu ma kien qatt.

 

Nistħajjlek qiegħda tgħix hemm f’dawk l-inħawi

Bejn dawl u dlam fejn baqa’ biss merżuq

Ta’xema tnemnen u malajr tinħela’

U qed tistenna biss il-ħin tat-tluq.

 

Alfred Grech

10/04/2023

Comments

Popular posts from this blog