Lil Tarċisju Żarb

All Around Surrounding

Everything Is A Strange Air.

 

Din l-għodwa mqansħa

Imdendla stalaktiti fil-bejn

Se taqa’u ma taqax

Tbewwaq il-qtar tar-ruħ

Xħin kulħadd u kollox

Qed jistenna l-irxoxt

Li qatt ma jseħħ.

 

Dal-jum li sebaħ

Xkora tamiet jinfaqgħu

Bżieżaq tas-sapun

Ġo toroq imtaqqla’ bin-nugrufun

Ta’traġitti mgħoddija

Ta’ elf mitt għelt mitt

U elf mitt dagħwa.

 

Dan l-għass li għadu ma stenbaħx

Jaħbat ma kull kantuniera

Ta’ x’irrid nagħmel u x’għamiltx

Imqar qabel l-ewwel bela’ kafe’

Biex nibda’ nistejqer.

 

Din għodwa kiefra bħall-oħrajn

Li ġew qabilha

Li  tnissel skiet ta’ twerwir

Fl-istonku

U taħbat bħal mewġ il-baħar

Mal-iskolji ta’ kif se jkun

It-tmiem aħħari

It-tmiem li dejjem joqrob . . .

 

Strambi dal-waqtiet

Tal-eżistenza

Li jitkellmu minn bejn il-lożor

Ambigwi tal- ħmar il-lejl

Ta’ rqad fil-ħolm

Li ma jafx ħlief tferfir

U qtigħ l-qalb.

 

In-niket hu biss il-fdal

Tat- tmellis

Ta’ tamiet li jitilgħu jixxebilku

U jixxabbtu

Mal-qċaċet efimeri

Ta’ narrattiva preordinta.

 

Ħiemda dis-siegħa

Ta’ skiet bla risq, ta’ disprament

Kull xħin tiftakar

Li n-nuqqasijiet huma biss il-qoffa

Fen jnġabar in ngħas u traskuraġni

Tal-bieraħ.

 

Alfred Grech

30-04-2023

Comments

Popular posts from this blog