Il-Fuq Għola Kemm Tiflaħ.

 

Il-fuq għola kemm tiflaħ ja ruħ tiegħi,

Il-fuq minn din il-miasma t’għaks u ġuħ,

Il-fuq minn min qed jisraq il-qawsalla

Biex joħloq id-duħħan ġewwa l-imħuħ.

 

Kemm tista’ għola ’l-fuq biex tfittex taħrab

U dritta l-isfel ħares bla ma tmil

Biex ma jilħqukx il-bżieżaq tal-burdati

U mal-għasafar imraħ bla tfixkil.

 

U itlaq ’l-hemm u aħrab dawn l-inħawi

Għax hawn issib lil min għad iferik

Inkella sa ssib ruħħek ġo xi xibka

Ta’ min jidħaqlek f’wiċċek bla jmerik.

 

Kemm tista’ għola l-fuq biex tfittex taħrab

Lil min jinsab ferħam għax moħħ magħluq

Iħott dak kollu li ma jistax jifhem

Il-vand’li u l-esperti l’hawn fis-suq.

 

Alfred Grech

18/09/2023.

Comments

Popular posts from this blog