Int Tlaqt.

 

Int tlaqt u ħriġt minn fuq il-palk tal-ħajja

X’ħin kienu r-rifletturi jiddu fuqek

Għereqt f’tal-qtigħ il-qalb il-baħar fietel

U ħriġt fis-skiet mir-rada u mill-mira

Bħal meta ajruplan jgħib u jintilef

U tibqa’ qatt ma ssir tiftixa serja.

Int tlaqt mit-teatrin bejn att u ieħor

Ir-rima li ħallejt mingħajr sekwenza

U jiena bqajt hawnhekk intenni waħdi

Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha solitarju

Rużarju antikwat mank biss jinftiehem.

Imbagħad erġajt tfaċċajt bħal ma jitfaċċa

Id-dawl minn xi fanal sabiex iwissi

U jħabbar li l-art qorbot lill-baħħara

F’xi lejl li jrid iferrex id-djamanti

Fuq baħar kalm kull xħin jintfew il-kwiekeb.

U sirt ukoll bħal ġerħa għal min weġġa’

U baqa’ qatt ma jista’ jiġi f’tiegħu

U l-ġerħa baqgħet tnixxi demm u ilma.

 

Alfred Grech

04/11/2023.

Comments

Popular posts from this blog