Posts

Showing posts from June, 2023
Image
  Jekk Mhux Tperpir il-Ġwieneħ.   Jekk mhux tperpir il-ġwienaħ Ikun ir-raxx tal-baħar. Jekk mhux il-ħolm li ħlomna, Il-mixja solitarja   Fil-wileġ tal-ambugwita’ Tżżerżaq ma żurżieqa Fil-falda tal-muntanja Tistkenn f’dagħbien ir-ruħ.   Jien li qed niżżeżżaq ma kull żurżieqa Inħares ġewwa ‘-mera.   Alfred Grech 27/06/2023.
Image
  La Tħallinx Intir.   La tħallinix intir bħall-għasafar l-oħra In-nefħa tegħek daqs uragan Li jiblagħni fit-tidwir tiegħu U issa tlift it-triq, U issa sirt barrani In-nifs tqal wisq u l-ġisem għejja. Għidli jekk jiġrilek bħali Jekk qalbek tkunx trid trabbi l-ġwienaħ U taħrab lejn baħar ġdid Aktar ikħal minn dak li jassedjana. Għalhekk jekk mhux ir-riħ Ikun il-baħar i jreġġa’ lura Ma qillet il-mewġ u t-tkarwit ta’leħnu Dak li konna nistennew. Agħtini jdejk u ħudni miegħek Il-bogħod minn daċ-ċaflis Lejn il-fwieħa ta’ ġenna tistenniena.   Alfred Grech 25/06/2023
Image
  Lanqas B’Dal-Mod.   Lanqas b’dal-mod ma tista’ timbuttanti, Biex ner ġ a’ ni ġ bor lura kull tixlila, Inkella r-riedni naqbad biex minn issa In ħ ares ‘l-quddiem lejn xefaq ie ħ or Inkella lejn it-toroq li tfixkiltom Biex ngħid: Twelidt mill-ġdid. Hawn arja ġdida. Għax issa l-ħaġa ndrat. Xejn ġdid li jista’ Jirxoxta ruħ ta’ mummja atrofizzata, Inkella lura jġib ma kull tifkira Il-benna li tiġik ma xi stennija. Issa li w’qajt fil-bir tal-eżistenza Trid tonfoħ uraġan ġo dal-katavru, Għaliex xejn ġdid ma hemm fi sbieħ din l-għodwa Għajr illi nkomplu fejn ħallejna ‘l-bieraħ. Li trid sejjħilha: ghejja, dipressjoni! Biex ma jkollix għalfejn infisser ruħi.   Alfred Grech 19/06/2023
Image
  178.* Għalxejn mit-trab tal-art tixtieq issawwar Xbiha oħra biex tinfħilha f’imnifsejha Għax kmieni nkella tard għad trid tintebaħ Li dina ma kienetx għajr ħolma kera Bħal dawk it-tant mijiet ta’ ħolm li ħlomna Flimkien fuq medda wileġ bla konfini. Għalxejn tifsir tipprova lil dil-ħrafa Tagħti, biex mingħalik il-libsa terġa’ tlibbes Lil tifkira fuq tarf sisien il-ħajja. Hemmhekk tinbena t-tama jew ix-xewqa Li bqajt ma tibidilx jew tibqa’ għal dejjem. Imm’inti sirt is-susa dejjem tgerrem Xħin logħba jien bqajt nilgħab dejjem b’moħħi Musbieħ il-lejl bil-ftit tad-dawl ma jagħti.   Alfred Grech 12-06-2023       *F’Għeluq il-ħdax-il sena mill-mewt ta’ Valerie.
Image
  F’Baħar Miftuħ.   F’baħar miftuħ ninġarru mal-kurrenti U nerġa’ nistaqsik: Minn fejn int ġejja? Bis-seħer nieżel għasel ġewwa sidri, Tifkira ta’ lejl li qatt ma jispiċċa.   U nerġa nistaqsik: Minn fejn int ġejja, Sultana li titfaċċa max-xemx tiela’, Tifkira ta’ lejl li qatt ma jispiċċa F’kunċert ta’ ħsibijiet li jġibek lura.   Sultana li titfaċċa max-xemx tiela’, Fuq xatt ir-ramel aktar mix-xemx jaħraq, F’kunċert ta’ ħsibijiet li jġibek lura, Inwaqqgħu swar li bnejt bit-tentazzjoni.   Fuq xatt ir-ramel aktar mix-xemx jaħraq, Għajnejna jiġġerrew lilhinn mix-xefaq, Inwaqqgħu swar li bnejt bit-tentazzjoni, Għad-dell ta’ xi żebbuġa tmil bit-tqala.   Għajnejna jiġġerrew lilhinn mix-xefaq, Ifittxu qtar in-nida tal-imħabba, Għad-dell ta’ xi żebbuġa tmil bit-tqala, Fejn kellna wileġ sħiħ sabiex noħolmu.   Alfred Grech 05/06/2023    
Image
  U Issa Li m’Għadnix Ngħanniha Aktar.   U issa li m’għadnix nagħanniha aktar, Dik l-għanja li weħida kienet toħroġ, Għalxejn il-qiegħ ta’ bir li jitlef nigref, Għalxejn infittex trejqa qalb ix-xagħri.   Dik l-għanja li weħida kienet toħroġ Qalb is-sqaqien mudlama tal-imgħoddi, Għalxejn infittex trejqa qalb ix-xagħri, Xi leħħa qalb ir-radam ta’ tfuliti.   Qalb is-sqaqien mudlama tal-imgħoddi, Bil-frosta jekk trid tqajjem lil min mejjet Xi leħħa qalb ir-radam ta’ tfuliti, Mudlam is-sotterran ta’ruħ imnikta.   Bil-frosta jekk trid tqajjem lil min mejjet Vjolin li jgħanni l-krib tal-aħħar siegħa, Mudlam is-sotterran ta’ruħ imnikta. U l-moħħ jistmerr id-dlam tal-baħħ fil-kobor.   Alfred Grech. 04/06/2023.