Posts

Image
  Xħin Tħossok Li Trid Taqbeż.   Xħin tħossok li trid taqbeż Tkun taf li qed tixjieħ, Xħin tiftaħ il bieb beraħ Kull m’għedt itir mar-riħ. Tkun taf li qed tissaffa Xħin tgħaddi minn ġon-nar, U ssib li sħabek telqu Tinduna li l-ħin sar. Xħin togħodos f’qiegħ il-baħar Tkun taf l-abbiss xi jkun Imqar jekk għad trid toħroġ Il-ġenju mill-flixkun. Biex għad is-sema tilħaq Triq togħola ’l-fuq mis-sħab U ddur id-dawra kollha Ma tara xejn ħlief trab. Xħin titla’ fuq il-għolja Tkun tista’ tara sew. U xħin ma tibqax tħares Tkun taf minn fejn għaddew. U xħin ma tibqax tiġri Tkun tlift is-sens tal-kejl Tkun taf il-ħin xi jfisser U d-dalma ta’ bil-lejl.   Alfred Grech 14/05/2021.
Image
  Kont Tistennieni   Kont tistennieni Ngħolli r-rixtellu Niftaħ idejja U nċarrat is-separju. Issa sirt sieqja Fejn tista’ ssewwaq Il-qawwa tiegħek Għax naf li mingħajrek ma jien xejn.   Jekk tiftaħ it-tieq beraħ Id-dawl isir għarar U għajnejk jimtlew bid-dmugħ Li jfejjaq lili Ii jfejjaq lill-kullħadd.   Alfred Grech 15/05/2021.
Image
  Ragħwa.   Jien xtaqt ir-ragħwa ta’mewġ il-baħar Fuq xuftejja sabiex inneħħi ftit Bil-qilla li qabditni.   Jien ridt li niġi ħdejk ħalli Niżfnu żifna mħabbla U biex forsi darba ngħixu Dak li lilna jistħoqqilna.   Jien xtaqt li niba noħlom Għax fil-ħolm sibt il-ġejjieni U l-imgħoddi kien saborra Biex timtela’ l-ħorġa tiegħi.   Għaliex it-tifsir tal-ħajja huwa dak Li tirkeb il-mewġa li tiġi.   Alfred Grech 12/05/2021
Image
  Imqar Fil-Qiegħ Ta’ Ruħi   Im q ar fil-qieg ħ ta’ ruħi Hemm għanja mingħajr il-kliem Imqar fil-qiegħ ta’ qalbi Hemm imnħabba qed tistenna. Lilhinn mix-xefaq ta’ xfar għajnejk l-għanja hija kliem ir-ruħ u f’għajnejk insib il-ferħ u s-sigrieti ta’ kull għożża. Xuftejk iġibu s-sliem li dejjem xtaqt.   Alfred Grech 11/05/ 2021.
Image
      162.   Jien stajt ukoll għannejha ħajjti kollha Din l-għanja li kull darba tiġi f’moħħi Ma nafx min fejn il-kliem, min fejn ir-ritmu U kemm il-darba ridt il-pinna naqbad. Ta’ dawn il-versi li sikwit inħarbex Minn fejn il-ħlewwa ġejja u s-sbuħija Imbagħad ma nafx għaliex hekk tieqaf f’daqqa Tarbija tat-twelid li tmut fuq ommha. Imm’issa li l-kanċell ftaħt, ħallejtha tgħaddi, U issa li bdiet tagħmel kollox tagħha, Bdejt nimraħ magħha jien minn warda għall-oħra Malajr intbaħt fl-imgħoddi x’kont qed nitlef. Nixtieq baqgħali aktar żmien biex naqta’ Ward ieħor minn dan il-ġnien li ma ħadtx ħsiebu.   Alfred Grech 10/05/2021.
Image
  Tenebrae.   Il-Jien midfun fil-qiegħ ta-bir ta’ San Patrizju u l-ebda ħmar igħammad mhu sejjer jiflaħ it-toqol tiegħu.   Għalxejn jinxtegħlu l-fuklari għax sħana ma jarmux, għalxejn jinxtegħel musbieħ imkien ma jdawwal.   Ġismek jiddi u jaqbad nar kull xħin inkebbes xrara, iżda qalbi tibqa’ silġa u marbuta mal-mażri tal-azzar li jdawwru l-ingranaġġ t’arloġġ qadim u moħbi.   Alfred Grech 09/05/2021.
Image
  Lanqas Il-Kliem.   Lanqas il-kliem ma nista’ nissellef Biex ngħidlek dak li n ħ oss, Kliem li ma jkunx tieg ħ i Talinqas tisma’ l- ħ oss.   Lanqas saħħa ma baqgħali Biex nikxef dan il-mant Ta’ qerq, simulazzjoni U ż-żmien għaddej sadanittant.   Lanqas twemmin ma baqa’ Biex norbot vent fis-sod Ma nafx kif ser nispiċċa Imkaxka b’dan il-mod.   Alfred Grech 08/05/2021.