Posts

Image
  Indeweqek .   Indewqek il-benna tal-għasel, Il-fwieħa tal-ġilju fil-wied, Titjira ta’ seħer il-għodwa, Biex togħla ’l-fuq fis-smewwiet.   Indewqek id-dehxa taż-żiffa, Il-bewsa tal-baħar ir-raxx, Il-fewġa lubiena f’Novembru, Ħuttafa tittajjar fil-baxx.   Indewqek il-frotta maqtugħa Mis-siġra tal-Għeden il-mit, Imbagħad issir għarfa u titlaqni Biex timraħ fil-baħħ infinit.   Indewqek il-qtar tal-ambrożja Li biha jitrejqu l-allat, Indewqek is-sokor tal-għeneb Mal-beraq tal-ajru nkurlat.   Alfred Grech. 31/08/2023.
Image
  Niġġerra Għal Xejn.   Niġġerra għalxejn u naqbeż fuq gradilja li taħtha n-nar jixwili jixwili qiegħ saqajja; nipprova għalxejn biex toqba f’dinix-xibka Insib,   u minnha darba għal dejjem naħrab.   Għax dal-fantażmi huma wild in-nebħa; mostri li ħloqt u tajthom nifs il-ħajja; aħjar ma bdejtx niġġerra f’kurituri ta’ labirinti bla ma naf fejn sejjer.   Għax stajt ukoll intajjar tajr l-imgħoddi biex nerġa’ nqajjem dik is-sensazzjoni li tlift, li saret ħolma tan-nawfraġju Biex kull ma jmur insir anakroniżma.   Aħjar li ma ħtaft xejn il-waqt li jsaħħar u emmint li riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa Għax hekk il-ħolm li noħlom sar delirju U kull filgħodu l-baħħ jiċċassa lejja.   Alfred Grech 30/08/2023.
Image
  Ħolm .   Ħolm imnaqqas fi-ġebel Kif l-għanja titla’u tinżel Mar-ritmi feruti ta’ poeta mutu. Imqar jekk kont l-isfinġa Ta’ bla żmien ta’ bla eta’ Kont nibda’ nemmen fl-għera tal-bjuda Fejn tegħreq r-ruħ Bħalma jegħerqu l-aħħar xintilli Ta’ kwiekeb jiġġerrew bl-addoċċ.   Imbagħad fuq il-linji sfukati Tal-ibgħat xefaq niflu sewwasew kull mafkar Li jfakkarna fiż-żmien li ma sraqniex Fil-mirja jbiddlu kollox fis-sabiħ U fl-alluċinazzjoni tal-eqdem mistoqsija . . .   Sinfomija li tibqa’ mhix mitmuma.   Alfred Grech 27/08/2023.      
Image
  Mhux Jien Kont.   Mħux jien kont il-gwardjan Li kien iħares b’dawn l-għajnejn Mit-tieqa tal-fanal Jinterċetta s-sinjali Li ġejjin minn min qiegħed Fit-tiġrib, fit-tbatija, jew qed jegħreq.   Mhux jien kont li ġarrejt fuq spallejja It-pis kollu ta’ kull ħtija Kell meta s-sireni bdew isejħu U jien bqajt qatt ma ntrabatt Mal-arblu tal-bastiment li qed iġorrni.   Mhux jien kont il-prim attur Tar-rakkont li mqar illum Jixbaħ ħafna tal-imgħoddi l-miti Sewwasew għaliex huma tal-imgħoddi.   Mhux jien kont; Jien kont biss l-ispettatur Li jħossu ħati.   Alfred Grech 25/08/2023.
Image
  Stennejtek.   Stennejtek bħal xemx tiela’ kull filgħodu, Fil-limbu, mimli ħedla u ta’ bla saħħa; Imqar jekk ta’ kull darba f’dit-tellieqa Kont it-tellief xħin tħares minn din-naħħa.   U issa li ġejt hawn fuq din ix-xtajta Biex nikkuntempla l-ħares li nġorr miegħi, U nogħnos ġewwa d-dlam ta’ mingħajr ir-ritmu U npinġi fuq is-sħab id-dwejjaq tiegħi.   Stennejtek li ser tiġi mqar dalgħodu Xħin l-aktar kont ninħtieġ il-faraġ tiegħek, Biex nogħodos ġewwa l-qalba ta’ xbihetek U b’ħarsa u fuq il-mewġ iġġorni miegħek.   Alfred Grech 24/08/2023
Image
  182.   Ma stajna nifhmu qatt il-ħlieqa x’kienet Li niġu hawn interqu f’din il-plajja Jekk nafu li ta’ nżul ix-xemx l-indiema Tħallina ta’ kuljum bit-togħoma morra. L-għorrief il-kbar li ġew sabiex jgħalmuna ma siktuniex u lanqas taw tweġiba bqajna hawn weħidna niflu kull tħaqqiqa U minn ġol-labirinti l-leħel jidwi Loppju divin itaffi dwejjaq ruħna sakemm ribelli sirna kif mistenni u bdejna naħsbu b’moħħna u nagħrfu s-sewwa għax il-ħelsien hu toqol li trid terfa’ tagħżel minn rajk, ma tħalli ’l-ħadd ibiddlek u toħroġ jekk jinħtieġ mill-merħla ’l-barra.   Alfred Grech 20/08/2023
Image
  181.   Ikun in-nar li jixwi fuq gradilja, Jew dak il-ħruq li jobrom ġol-istonku, Il-magma ħierġa tfawwar mill-kraterji Ta’ xi vulkan mill-qiegħ tal- homo sapiens .   Xi tkun il-qilla ta’ kull min jibgħatlek Is-saħta f’dagħa u krib mingħajr tifsira, Min min qatt biss ma mess id-diwi tegħek Dik l-arpa li stunat mal-mess tas-swab?.   Mingħajr id-daqq tat-trombi din tasallek Fil-Ġnien tal-Għeden, xmara tat-tnissija Fejn kont iddur żugraga mal-irwiefen U fil-misteru jostor dell is-seħer.   X’jgħidula din? Mibegħeda? Nkella Ħażen? Dell tqil li joħroġ mill-infern tal-bniedem.   Alfred Grech 18/08/2023