Posts

Showing posts from February, 2023
Image
  172 .   Inneħħu t-trab u nneħħu l-għabra kollha Minn fuq il-ħsibijiet tal-mewt u l-kefen U ntajjru r-rix mal-arja sa jitferrex U b’hekk kull xkiel inkissru biex intiru. Bħal żiffa riħ li tgħadi bla ma tħossha Bħal ajruplan li jtir bla jħalli rima Għasfur tal-bejt li jibni l-bejta tiegħu Peprina li mar-riħ tmil u tixxengel. Hekk biss l-assurdita’ tingħeleb tista’ Ta’ kull monotonija wild xi ħolma Ta’ dat-taħsir li beda b’ħafna wegħdi Taż-żmien li jgħaddi u jibqa’ biss tifkira U ta’ kuljum titqarraq kull xħin jistbaħ Bit-tama li se tkun din sfida ġdida.   Alfred Grech 28/02/2023.
Image
  171.   Mistħija l-għera tiegħi ħajti kollha U nħożż kull mistoqsija f’barmil ilma; Bħalkieku dawk il-ktajjen li jliġġmuni Kienu l-kapriċċ li ridt noħloq f’għodwa niedja. Kull meta   nżomm il-pass jien naqta’ nifsi Imbagħad purtiera nniżżel ta’ tbatija Fuq kull   tifkira li fil-wiċċ tispunta Bħal bżieżaq arja safja fuq wiċċ l-ilma. Nixtieq li din l-isfida jien nagħmilha Mhux lill-allat li fl-aħħar xejn ma jaħtu Iżda, lil min   fuq l-għolja olimpjana Jitperreċ u jagħmilha ta’ xi qawwi. Biex issa ntbaħna lkoll li xejn ma jiswa’ Għax xejn mhu xejn fl-assurdita’ tal-ħajja.   Alfred Grech 22/02/2023
Image
  Qed Ngħixu Dan L-Infern.   Qed ngħixu dan l-infern ta’ ħtif u ħsara Qed ngħixu dan iż-żmien li mhuwiex tagħna Induru dawra mejt ġo ċirku mberfel Qalb qatta ħallelin imdawra magħna.   Li serqu l-art u l-arja li nibilgħu Id-dawl tax-xemx u l-beraħ ta’ madwarna, Qed ngħixu dan l-infern ta’ distruzzjoni Bħal merħla nagħaġ imkeċċijin minn djarna.   Li kieku dawk tas-setgħa mhux imxierka Ma dawk li l-ħoss kbir tagħhom kien fl-assenza! ’Ma dan mhux biss il-frott tal-ġenn li ħloqna Għax tagħna wkoll id-dnub fl-indifferenza.   Alfred Grech 20/02/2023.
Image
  Jekk Tintilef.   Jekk tintilef ġewwa sħaba Jew bħal jaqbdek ferħ ta’ ġenn, Jew inkella toħlom ħolma Ġewwa għarix, għal ftit tal-kenn.   Jekk int tħoss tkexkix ġo ġismek Jew inkella trid ittir, Tqaqiliet li n-nifs jaqtawlek Għalkemm waqt dan, ferm qasir   Dan hu waqt ta’ tferfir qawwi Xħin missejt tkun l-infinit, Xħin tintilef fl-impossibbli, Jalla jiġi dan sikwit.   Jekk tintilef fl-impossibbli, La tibżax, ma ġara xejn, l-impossibbli jagħti l-ħajja u jgħaqqadna lilna t-tnejn.   Alfred Grech 19/02/2023.
Image
  170 .   Sakemm nistenbaħ għad fuq xi gradilja U nilmaħ bejn ix-xquq tax-xemx id-dija, Ħallini nongħos f’raqda ndifferenti Ta’ min għajjien u mxabba’ jgħix il-ħajja, Ta’ min ma jafx fejn hu tul mixja twila, Ta’ min ma jafx għax l-għada għandu jisbaħ. Sakemm iqumu rwiefen tal-burraxka U jġorru magħom dak li nkunu bnejna It-torrijiet, il-ħolm u l-fantasija Ħitan għoljin li darba kienu jkennu Mill-ħbit ta’ qtiegħ il-qalb u l-injoranza. Ħallini hawn biex ninsa’ li xi darba Għad nerġa’ nista’ nrodd iż-żmien li għadda U ngħid li din tassew hi l-ħajja tiegħi.   Alfred Grech. 17/02.2023.
Image
  Il-kliem kollu Li Nibgħatlek.   Il-kliem kollu li nibgħatlek Imqartas ġo pakketti virtwali Bħal serbut nemel. Inti tista’ tiġbru kollu f’kaxxa U jsir il-kliem li qatt ma fhimt Jew qatt ma smajt.   Bħal kaxxetta tal-ġawhar Jekk ma tiftaħiex Ma tkunx taf x’fiha.   Jien nibqa’ magħluq ġo kaxxa U qalbek tkun bla kliem.   Alfred Grech 15/01/2023.
Image
  Noħolqu Oasi.   Noħolqu oasi f’nofs ta’ desert Inkella nsibu skuża biex insebbħu Hemmehekk fejn tista’ timraħ Fid-distrazzjonijiet li jmorru l’hemm Minn dak li tara. Hekk nagħmel jien Kull meta inħossni bla ħajra. Għax nista’ nagħmel Għajr naqsam Il-ħabs tal-bieraħ? Minflok ma noqgħod hawn Nilgħab mas-susa U mad-duħħan ta’ moħħi.   Alfred Grech 07/2/2023