Posts

Showing posts from May, 2023
Image
  177.*     U jien ukoll staqsejt x’ser naqbad nikteb, Għax moħħi kien battal u lanqas kelma Ma sibt li tista tkebbes il-ħuġġieġa. Ix-xenqa kienet hemm li nibda nħarbex Iżda bqajt bħal pittur bil-pinzell f’idu. Battal il-bir li minnu tista’ tixrob U l-għajn tal-ilma ġieri issa nixfet. Aktarx li rrid interraq mixja twila Biex nerġa’ nisb ix-xrara li tnebbaħni. Għax kbira wkoll id-dieqa ta’ ġo fija, U n-nixfa issa qerdet kull nibbieta, U ma jistgħax ikun li nibqa’ ntenni l-istess tnegħid, il-mantra illuppjata mingħajr dawk il-waqtiet ta’ ġenn sublimi.   Alfred Grech 29/05/2023.   *Wara li qrajt il-kitna “Qaltli Ilek Ma Tikteb” ta Tarċisju Zarb
Image
  U Għidli X’Jibqa’?   U Għidli x’jibqa’? Xejn għajr kewkba feġġa’, Il-Jien sar xewqa fiergħa tal-artisti, Sħab tqil fis-sema baqa’ dejjem jiġri Bħal ktieb li lanqas għandek ħin biex taqra.   Il-Jien sar xewqa fiergħa tal-artisti, Għaddieni l-ħsieb bħal tajra li tittajjar, Bħal ktieb li lanqas għandek ħin biex taqra, Warda tal-jum, għalxejn sbuħitha tperreċ.   Għaddieni l-ħsieb bħal tajra li tittajjar, U l-petali tar-riħ il-priża saru, Warda tal-jum, għalxejn sbuħitha tperreċ, Inkella raxx il-mewġ ileħħ qawsalli.   U l-petali tar-riħ il-priża saru, Ħarist f’għajnejn l-baħħ jespandu dejjem, Inkella raxx il-mewġ ileħħ qawsalli, F’dan l-univers, parentesi qasira.   Ħarist f’għajnejn l-baħħ jespandu dejjem, Staqsejt imbagħad x’se jiġri minn din il-pawsa, F’dan l-univers, parentesi qasira, Vjolin inewwaħ qisu qalb maqtugħa.   Staqsejt imbagħad x’se jiġri minn din il-pawsa, Tnehida toħroġ mill-għerien ta’ruħi, Vjolin inewwaħ qisu qalb maqtugħa, Fuq xtajta so...
Image
  Jien Xtaqt. Jien xtaqt li kelli l-ġwienaħ tal-għasafar Biex ma nibqax hawnhekk ankrat mal-art. Jien xtatq li kelli l-ħsieb ta’ xi filosfu Biex mhux indur infittex ġol-iskart.   Jien xtaqt li kelli flus kemm jasa’ ġildi Biex nibni torri ieħor ma’ li haw’ Għax issa saret moda w qed iġġorna Fl-abbiss lejn fejn sejrin bla ma naraw.   Alfred Grech 23/05/2023
Image
  Kattiv.   Kattiv li tidher inti f’daħna kbira; Kattiv u kapriċċjus f’kull sens tal-kelma, Tax-xejn li ġie mix-xejn, fix-xejn jispiċċa, Biex aħna bqajna nemmnu f’din il-ħrafa.   Kattiv u kapriċċjus f’kull sens tal-kelma, Kattiv inti, kattiv għal elf mitt darba, Biex aħna bqajna nemmnu f’din il-ħrafa Jispiċċa fi traġedja kull min emmen.   Kattiv inti kattiv għal elf mitt-darba Ħolm u delirju sħiħ, tiskatta molla, Jispiċċa fi traġedja kull min emmen, Trid tkun blasfem, miġnun u ta’ bla sinsla.   Ħolm u delirju sħiħ, tiskatta molla, Darrewna hekk minn meta konna trabi. Trid tkun blasfem, miġnun u ta’ bla sinsla U aħna bqajna hawnhekk f’dil-ħofra mdallma.   Alfred Grech 22/05/2023.
Image
  Agħtini Leħen.   Agħtini leħen jidwi qalb l-irkejjen, Agħtini kewkba waħda li trid tiddi, L-għamliet f’kalejdoskopju ddisenjati Agħtini alfabet li bih nitkellem.   Agħtini kewkba waħda li trid tiddi, Ġo lejl midlam fejn lanqas tista’ tifhem. Agħtini alfabet li bih nitkellem, Biex bil-maqlub intennti kull tifkira   Ġo lejl mudlam fejn lanqas tista’ tifhem Fil-kobor tal-immensita’ madwarna, Biex bil-maqlub intenni kull tifkira, U ngħannaq f’tarf il-jum il-kobor tiegħu.   Fil-kobor tal-immensita’ ta’ madwarna Agħtini ftit mid-dija li sawwritek, U ngħannaq f’tarf il-jum il-kobor tiegħu Biex nifred dawl minn dlam li jtaqqal ħsiebi.   Alfred Grech. 19/05/2023.
Image
  Armonija.   Il-warda illi tiftaħ biss filgħodu, Il-friefet illi jaqbżu fuq kull warda, Il-jum ngħixuh bħal ħolma trasparenti, U l-lejl li jgħatti l-ħażen u li jnessi.   Il-friefet illi jaqbżu fuq kull warda, Ġwenħajhom imqasqsin il-frieħ li jtiru U l-lejl li jgħatti l-ħażen u li jnessi Il-fwieħa ta’ ġol-ġnien li s-sensi tmewwet.   Ġwenħajhom imqasqsin il-frieħ li jtiru Fuq sema tal-mistrieħ bħal sodda mqallba, Il-l-lejl li jgħatti l-ħażen u li jnissi Fuq friex tintilef karba u sejħa fqira.   Ġwenjahom imqasqsin il-frieħ li jtiru, Raġġiera ta’ dawl qawwi kull tifkira: Fuq friex tintilef karba u sejħa fqira Minn bejn l-imwiet tirxoxta xewqa ġdida.   Alfred Grech. 18/05/2023.
Image
  Saħħara.   Għax issa lanqas lostru ma baqgħalħa Biex tieħu dak li trid u tibqa’ għaddejja Għax dejjem kienet   sħaba bla kuluri, Qawsalla! F’ħin ebla waqt tgħib u tispiċċa.   U issa lanqas fwieħa ma baqgħalħa Tal-ward ilellex, xamma tal-imħabba Biex tgħatti sew il-kruha ta’ kull gidba U l-għerq illi jexxblek ma griżmejha.   Għax fonti   saret tal-aljenazzjoni Tieqa tal-ħabs li tiftaħ fuq il-misraħ Mhemm xejn li jdum u l’għad xi darba jgħaddi Hu biss l-istint u l-frott tat-tentazzjoni.   Alfred Grech. 17/05/2023.
Image
  Lil Ommi*   Jien lanqas nista’ nifhem Il-ħtieġa ta’ dan kollu Kull meta mingħalija li sibtha It-tweġiba Kollox jieqaf hemm; X’ħin tlajt it-telgħa tal-kalvarju Tarġa tarġa Tispiċċa f’din iċ-ċaħda Tispiċċa taqta’ jiesek.   Jien lanqas nista’ nifhem Għaliex din it-tbatija Għaliex is-swied il-qalb Biex mingħalina sibna l-gomma Li tħassar kull għelt u kull nuqqas.   Ma nista’ nifhem xejn U aktar ma nitgħallem It-tħarbit tal-moħħ jiżdied.   Sufra tgħum f’wiċċ l-ilma Fil-baħar imqalleb tar-ruħ.   Għax jekk xi ħadd x’imkien Is-setgħa ta’ dan kollu għandu Li jista’ jbiddel Imissu jiffrankalek l-aħħar qatriet tal-kalċi wara ħajja kollha mrar.   Alfred Grech. *F’Jum l-Omm 14/05/2023
Image
  Jekk. 2   Jekk niftaħ il-bibien ta’ kull tifkira U naqleb ta’ taħt fuq il-kalendarju Is-skiet jintrabat għoqda fuq ilsieni U l-jiem insibhom itwal fuq id-djarju.   Jekk nerġa’ nirritorna għall-ġnien tal-Għeden Ir-riħ iwassal jerġa dawk il-fwejjaħ Tal-ġnien battal u sajjem fejn trabbejna U t-tokki tal-qampiena qed issejjaħ.   Jekk nerġa’ lura nidħol ġo qoxorti Sewqan il-jien u dak li lilu jixbaħ Tamiet il-maħbubin, xewqat mittiefsa Fejn qatt ma titla’ x-xemx u qatt ma jisbaħ.   Insib il-baħħ u x-xejn ġo fija nnifsi Is-sħab, duħħan imtaqqal f’kull tixjijra It-tama f’għada dejjem tibda’ tonqos Dil-mixa ma kull pass isir bi kbira   Alfred Grech 10/05/2023
Image
  Tmienja ta’ Mejju.     Nibdlu x-xwabel f’sikek tal-moħriet U l-lanez fi mnieġel.   Qalulna l-gwerra waqfet Iżda  n-nar għadu għaddej Dik kienet l-aħħar gwerra Biex tnissi l-imgoddija Ċedew bla kundizzjoni U l-ġlieda għadu għaddej Qalulna l-gwerra waqfet Usliem ma hemmx fil-qlub Il-gwerra għada għaddejja U s-sliem hu biss fil-ħolm. Qalulna l-gwerra waqfet Biex ngħixu lkoll ta’ ħbieb Qatt aktar ma niġġieldu U ngħix lkoll bil-kwiet.   Alfred Grech.  
Image
  Kristall.   Bħal għajn tal-ilma ġieri fiha jserrep Id-dawl tal-qamar kwinta mbagħad jintilef Fin-nifs ħafif tal-fewġa mal-wiċċ tilgħab U fl-infinit.   Inpinġi fuq il-karta sema kwiekeb Bil-linka ta’ bil-lejl il-fosfru jixgħel U jikxef il-misteri wara l-kwinti Ta’ xfar għajnejk.   Il-qtar ta’ nida safja jaqa’ sieket Fid-dell ta’ ruħ imkebba fil-misteri Ta’ qalb miftuħa beraħ qed tistenna Għatxana għal-ferħ.   Imbagħad bid-daqq tat-tnabar għad titfaċċa Biex tgħatti x-xemx fuq żiemel qed jintrefa’ U jiena fil-kristall tal-waqt insawwar Waqtiet ta’ serħ.   Alfred Grech 08/05/2023.
Image
  Intom Li Tibżgħu Minna.   Intom li tibżgħu minna Għax aħna l-misħutin Għaliex fil-kwadru tagħkom M’aħniex mal-magħżulin.   Intom li fil-qdusija Żgur ma jgħaddikom ħadd, Għidulna ftit xi ħsara Jagħmlilkom dak kuntatt?   Għidulna x’tafu fuqna Fejn morna aħna żmerċ, Jew kif qiegħdin narawha Ħajjitna marret żmerċ.   Alfred Grech 07/05/2023.    
Image
  Ejj’ Iżfen.   Ejj’ i żfen żifna miegħi Fil-mixja lejn l-infern Is-sebħ jgħannaqna miegħu Fis-skiet tad-dam etern.   Għax jien qed nibża’ waħdi Fil-baħħ ta’ dal-wesgħat, F’waqtiet li qatt ma jgħaddu Mar-romblu tas-siegħat.   Is-skiet li kiber magħna Fil-mixja ta’ kuljum, F’kull għamla li qed tara Kull mibdi jew mitmum.   Assurda din il-ħajja Li twelled kull twemmin Biex naljenaw irwieħna Fil-ġiri tul s-snin.   Imqar jekk qed nittawlu Imbiegħeda minn xulxin Fl-abbissi ta’ ġo fina Fil-ħars matul s-snin.   Alfred Grech 07/05/2023.