Halloween Jien deformat sa minn qaddisi Kemm ilni ngħix hawnhekk F’dawn l-inħawi Fejn jinżel l-ilma ġieri li ma jasqqix.. Jien ħadt il-qagħda ta’ dil gaġġa Li kibret miegħi Jien deformat daqs il-bebbuxu Li ħa l-forma ta’ qoxortu Inkella iffissat Li qatt ma biddel l-arja. Iktar ma jgħaddiu ż-żmien Il-ħitan ta’ dan il-ħabs Iktar jogħlew U d-dalma tal-abbiss Issir bla qiegħ. Imm’hemm sema Fejn nista’ ntir Beraħ fejn nista nimraħ U poeżija Li nista’ nikteb. Alfred Grech 31/10/2023
Posts
Showing posts from October, 2023
- Get link
- X
- Other Apps
F’Jum Għawdex. Imbidel wiċċek Imbidlet iċ-ċiera tiegħek. Imbidlu wkoll in-nies Li jikkalpestaw qoxortok. U issa ngħidu Li ġejna ’l-quddiem. Libbsuk il-porpra U xeddewlek kuruna Serqulek ruħek Ir-ruħ ta’ xi mkien fejn wieħed jista’ Jsib ażil Qalulna ż-żmien inbidel U li ż-żmien ibiddel U allaħares ma kienx hekk Int issa sirt ix-xbieha Ta kull waqt fiż-żmien Ta’ kwadru li jinbidel. Alfred Grech 29/10/2023
- Get link
- X
- Other Apps
U Jiensa Ngħid . U jiena ngħid Li m’hemm xejn ġdid Li tista’ tikxef. Ilek ma tiġi tbusni Biż-żħiffa tal-majjistral Tmelles mingħajr biss Tħabbilli xagħri. Ilek ma tniggiżni Bħal ruħ migduda Li trid taħrab U ma tistax. Wiċċek wiċċ il-ward iwarrad u kull bewsa li tfaqqali issir kraterju fuq wiċċ iż-żmien. Jinxfu l-għejjun Jitħassru l-għeliem Li ħallejt fir-ramel tax-xtajta Meta għaddejja nkiss inkiss Ħallejt il-marki ta’ saqajk U jiena nibqa’ ngħum Fil-mewġ tal-burdati. Alfred Grech 27/10/2023
- Get link
- X
- Other Apps
Poeżija. Weħida toħroġ it-tnegħida Duħħan minn goċ-ċumnija Jisfida sema msaħħab Qċaċet li joborxu s-sħab Bl-uġih ta’ ruħ qed tegħereq Għax il-mewt toqtol il-fjamma Li titkebbes ġo fina. Kull għajta li toħroġ mill-qalb Tsfida l-eqdem mafkar Leħnek ma jmut qatt U sbuħitek tibqa għal dejjem. Alfred Grech 23 ta’ Ottubru 2023.
- Get link
- X
- Other Apps
Hawnhekk Imċajpar Kollox. Hawnhekk imċajpar kollox, fejn jien sejjer? Nixtieq hemm id li tiġbed qed l-ispaga Xi minn daqqiet inħoss ir-riħ jimbotta Inkella l-pinna tikteb trid xi saga. Nixtieq suġġeritur minn wara l-kwinti, Jew anġlu ma jidhirx magħżul għalija, Nixtieq li nemmen illi hemm mogħdija Li minnha nista’ ngħaddi ’l-bogħod mill-bqija. Fejn sejjer jien ma nafx u lanqas kieku Kont naf fejn hi t-trieq ma kont se nsibha Għax jekk ma nafx fejn jien jew fejn jien sejjer Ma nista’ ngħid li qed fuq liem’ xaqliba. Alfred Grech 19/10/2023
- Get link
- X
- Other Apps
Tqila Tqila din kull filgħodu tqum u terfa’ It-toqol fl-istennij ta’ jum ieħor. Int forsi tħares lura biex tistaqsi Għaliex għotort u sibtha hekk bi tqila. Insejt int l-sqaqien li fihom dħalna, Li rdumijiet lli magħhom ixxabbatna? Int forsi nsejt is-saħta li bagħtulna U l-qilla tal-allat qrib il-quċċata Int forsi nsejt il qiegħa fejn twelidna, l-għaks, iż-żebliegħ, dak kollu tal-mistħija, U l-ebda riħ ma nefaħ fil-qlugħ tagħna U jekk s’hawnhekk wasalna għax Alla magħna. Tqila, ta’ kull filgħodu tqum biex terfa’ It-toqol li ħaddieħor telaq f’ħoġrok U ma tistax tittama li xi darba Jitfaċċa ċirinew biex jgħinek terfa’. Tqila, ta’ kull filgħodu terġa lura Għal passi li passejt f’dik il-mogħdija Li minnha għaddejt kuljum għall kemm il-darba. Alfred Grech 17/10/2023.
- Get link
- X
- Other Apps
Fil-Mużew Nazzjonali Tal-Arti. Hawnhekk qed tħossok sewwa għax xejn mhu jiġri Nixtieq narak pittura ta’ bla isem, Qawsalla ta’ kuluri jridu jfissru Xi ħaġa li xtaqt int bla ma taf tlissen. Imbagħad int tistaqsini x’qiegħed nara Kemm ponot ta’ kuntatt fil-polz jippompja Qed nara mingħajr melħ qiegħ is-salini Fejn hemm qiegħdin jintemmu t-tamiet tagħna, Inkella qed jinħaslu d-dnubiet kollha Biex jirxuxtaw xi simulakru minsi Ta’ dak li stajna nsiru ma bla rnexxielna. Hekk nista’ nkun ed noħloq armonija Bejn żewġ naħħiet megħdija biss fil-gwerra. Dan jista’ jkun ukoll vjaġġ ta’ bla sfida Awtoritratt imkeffen ġo baqalja Dan jista’ jkun mural li jinseġ ġrajja Jekk tħares sewwa lejja tibda tifhem Kif jien fin-niċċa tiegħek nista’ noħloq l-istil biex mill-kristall tas-sewwa toħroġ U jien girlana ninseġ li xi darba ma ġismek dawra mejt għad indawwarha. Alfred Grech. 13/10/2023.
- Get link
- X
- Other Apps
Immorru. Immorru lejn dawk l-inħawi Fejn it-toroq ma jwasslux. Immorrru l’hemm lejn ix-xifer inevitabbli Tal-irdum fejn jaqgħu u jitfarrku It-tifkiriet u l-ħwejjeġ kollha Li m’għadomx aktar meħtieġa Fuq din il-ferrovija Li tibqa għaddejja u taqsam il-fruntieri Bla waqfien. Immorru ’l-hemm u naqbżu kull xkiel u barrikati Insibu ruħna qed nintilfu minn sensina Fi spazji li ma nagħrfux u ma nafux. Immorru ’l-hemm Għaliex iż-żmien Vleġġa waħda għandu U tipponta dejjem Lilhemm. Alfred Grech 11/10/ 2023
- Get link
- X
- Other Apps
184 Par ġwienaħ biex nittajjar min jislifni? Inkella leħen ħlejju tal-għasafar Sabiex intir u ngħola ’l-fuq nisseqqer U nħalli dan l-ispazju mimli dwejjaq. Irrid intir bil-ferħ, għal darba ninsa’ Il-ħmieġ u l-iskwallur fejn sibna rwieħna, l-infern li huwa l-wild tad-dilettanti u npinġi bil-kuluri tal-qawsalla. Irrid intir bil-ferħ, u ninfexx fl-għana T’Orfew il-Lira mbagħad irrid nissellef U ngħola ’l-fuq mis-sħab biex lanqas nilmaħ l-abbiss li fiħ jistaħba wild il-bniedem. Għax għajb għaliħ minn ħoloq din il-mandra Li fiha jrid jintemm l-itinerarju. Alfred Grech 10/10/2023.
- Get link
- X
- Other Apps
183. Tremend is-skiet ta’ dan il-lejl jistordi Tisfir ta’ ġol widnejn iżommni mqajjem Infittex skiet perfett fejn nista’ nindem U nerġa’ mmiss b’idejja l-ħolm li noħlom. Tremend hu l-ħmar il-lejl għal min hu sieket U jaf li fid-delirju jsib il-fidwa, Li baqa’ ma sabiex xħin kien imqajjem U mexa mal-kurrent ta’ dak li jiġri. Tremend huwa t-tgemgim ta’ min fis-sakra, Ta’ min sab ruhħu jgħum fuq wiċċ il-baħar, Misjuq mill-ħsibijiet tal-waħx u l-biża’ Tal-għada illi jibqa’ qatt ma jisbaħ. Tremend dan kollu għal min lanqas jagħalaq Għajn m’għajn, għaliex il-ħin qatt mhu se jgħaddi. Alfred Grech 09/10/2023.
- Get link
- X
- Other Apps
Sbuħija. Lanqas is-sbuħija ma trodd id-dieqa ta’ dak li m’għadix kliem sabiex infissru, il-ħsieb bħal magħtub li qajla jsta’ jlaħħaq mar-ritmi ta’ kuljum. Xħin toħriġ it-tnehhida bħal vulkan li jaħli d-dieqa tiegħu. Imbagħad taqa’ l-kalma, jibbnazza u jinżel is-skiet. Bħal ħolma mnaqxa minn leħħa ta’ berqa fuq il-blat għeri tal-bruda magħmula mit-tafal tal-art sakemm issir twemmin lI fih trid tafda jekk trid mill-ġdid li terfa’ Il-madmad ta’ kull għodwa. Nixtieq li għandi fil-bir ta’ ruħi t-tqanqil li qed tistenna biex jirxuxtak, u nixtieq ukoll li kont il-mera li fiha tirrifletti l-ħeġġa tiegħek, imma miniex. Alfred Grech 04/10/2023
- Get link
- X
- Other Apps
Illum Mhuwiex Jum Tajjeb. Illum mhuwiex jum tajjeb biex tkellimni Inkella ara kif bieb ieħor ħabbat Bħal dak li llum mar fettex art għammiela Għaliex ma kiex biżżejjed dak l-imperu Li bena fis-sqaqien ta’ din il-ħajja. Fid-dwejjaq it-thewdin hu l-ħoqien tiegħi Fis-skiet bħal martell tkisser ir-rubini Il-kelma li ma taf ebda konfini, Mnejn tlaqna ma nafux u fejn ser naslu Mistur se jibqa. Kuljum pass pass jgħaddi Bħal-impulletta r-ramel, biex jekk tibqa’ Tgħum f’wiċċ l-ilma tkun biss bużżieqa t’arja. Alfred Grech 02/010/2023